“Se nieħdu kull pass meħtieġ sabiex nipproteġu n-negozji u ħaddiema.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa li kellu mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, fejn ġiet diskussa s-sitwazzjoni tal-kriżi fl-Ukrajna u x’impatt indirett se jkollha fuq pajjiżna.
Il-Prim Ministru hawnhekk tenna l-impenn ta’ Gvern Laburista sabiex iżomm is-sitwazzjoni stabbli, b’mod partikolari fejn jidħlu s-setturi tal-enerġija, tat-trasport u anke l-importazzjoni taċ-ċereali.
“Konna u se nibqgħu viġilanti, sakemm nibqa’ fdat f’din il-kariga l-messaġġ tiegħu huwa wieħed. Irridu nieħdu kull pass meħtieġ biex nipproteġu lin-negozji u lill-ħaddiema tagħom, dak li għamilna fil-pandemija mhux se nissugrawh issa.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru semma l-għajnuna li ngħata u se tibqa’ tingħata lil għexieren ta’ bdiewa u raħħala.
“Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Finanzi u tal-Agrikoltura biex ngħinu lill-importaturi f’dan is-settur jiżguraw provvista tal-qamħ għal sitt xhur, dan sabiex inkunu nistgħu niżgura l-provvista jiġifieri aħna sa nkunu pajjiż li se jkollna security of supply.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fil-Berġa ta’ Kastilja Dr Abela semma s-sanzjonijiet li bħala Unjoni Ewropea imponew fuq ir-Russja u qal kif il-prijorità hija sabiex ma tiġix milquta l-komunità kummerċjali f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru qal li s-sitwazzjoni hija waħda urġenti u għalhemm ma hemmx lok ta’ politika partiġġjana.
Mal-imsieħba soċjali, il-Prim Ministru spjega li f’pajjiżna hawn 1,100 ċittadin Ukren u li sa issa Malta rċeviet 31 applikazzjoni għall-ażil.
F’messaġġ ta’ serħan il-moħħ, Dr Abela qal kif il-MITA bħalissa għaddejja wkoll b’operazzjoni sabiex pajjiżna ma jkunx suġġett ta’ attakki online, magħrufa bħala cyber-attacks mir-Russja.
Dwar is-settur tal-avjazzjoni Robert Abela qal kif fl-Ukrajna hemm ajruplan maqbud irreġistrat f’Malta u tenna s-sanzjonijiet li hemm sabiex ajruplani mir-Russja ma jiġux f’Malta, lanqas b’charter.
Il-Prim Ministru rrefera għall-erba’ pakketti ta’ sanzjonijiet mill-Unjoni Ewropea, fosthom wieħed addizzjonali li ra sanzjonijiet fuq prodotti tal-azzar u ħadid mir-Russja.
Fuq dan, Malta mhux se tkun affetwata.
Ir-Reġistru Malti għan-Negozji wkoll għaddej b’eżerċizzji ma’ kumpaniji li għandhom rabta mar-Russja u kif żewġ kumpaniji f’Malta nqabdu fis-sanzjonijiet.
Qal kif għaddejja ħidma sabiex l-assi ta’ dawn jiġu ffriżati anke minħabba li ma jinsabux f’Malta.
Il-Prim Ministru, anke fil-preżenza tal-midja qal li sa issa ma hemm l-ebda individwu Malti msemmi fil-lista tas-sanzjonijiet.
Robert Abela tenna l-pożizzjoni ta’ Malta fejn tidħol in-newtralità u qal kif il-Gvern Malti se jibqa’ jwassal il-messaġġ favur il-paċi.