Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard kellu laqgħa mal-Kumitat tal-Avukati u Prokuraturi Legali fil-Berġa d’Aragona.
Dan il-kumitat huwa maħtur taħt l-Att dwar il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u l-funzjonijiet tiegħu huma relatati mal-kondotta professjonali ta’ Avukati u Prokuraturi Legali u mal-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom inġenerali. Huwa wkoll il-kumitat li jirrakkomanda l-għoti tal-warrant lill-persuni eliġibbli li jipprattikaw bħala avukat jew prokuratur legali.
F’din il-laqgħa kienu diskussa numru ta’ aspetti importanti marbuta mal-ħidma ta’ dan il-kumitat, inkluż dawk leġislattivi u amministrattivi relatati mal-proċedura li tintuża biex ikun determinat jekk persuna tkunx tajba u xierqa biex tikseb warrant ta’ avukat jew prokuratur legali.
Il-Ministru Jonathan Attard afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu biex ikompli jassisti lil dan il-Kumitat li għandu funzjoni importanti fil-qasam ġudizzjarju ta’ pajjiżna. Huwa qal li din il-laqgħa tawgura tajjeb u dan għaliex huwa biss bid-djalogu u l-koperazzjoni li jistgħu jkomplu jsiru riformi intiżi li jgħollu l-istandards fil-professjoni legali.
Il-Ministru Attard ħa l-okkażjoni jawgura lill-membri l-ġodda fuq il-Kumitat, inkluż l-Imħallef G. Valenzia, li nħatar mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex iservi bħala Chairperson, filwaqt li irringrazzja lill-membri uxxenti għas-servizz provdut.