Il-bniedem li s-soltu jikkordina l-laqgħat tal-Kumitat Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista ma kienx mgħarraf bil-laqgħa tat-Tnejn filgħaxija, maħsuba biex tiddiskuti l-iżviluppi fl-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista b’mod partikolari dawk b’rabta ma’ Adrian Delia, wieħed mill-kandidati.
Jean Pierre Debono, Assistent Segretarju Ġenerali tal-Partit, huwa l-persuna li s-soltu jinforma lill-membri tal-kumitat amministrattiv li tkun se ssir laqgħa u jxerred magħhom id-dettalji dwarha, inkluż l-aġenda.
Fi kliem ieħor huwa hu s-Segretarju tal-Kumitat Amministrattiv u mhux is-Segretarju Ġenerali.
Iżda, din id-darba, bil-kap caretaker Simon Busuttil konxju, ma ġarax hekk.
Jean Pierre Debono sar jaf li se ssir il-laqgħa mill-media wara li l-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija.
Jean Pierre Debono huwa fost dawk li qed jappoġġjaw lil Adrian Delia u kien hemm mumenti fejn saħansitra kien hu l-bniedem li kien se jċedilu s-siġġu fil-Parlament. Xi ħaġa li rtira minnha wara li l-gazzetta KullĦadd żvelatlu l-pjan.
Dwar din il-laqgħa mhux mistennija tal-Kumitat Amministrattiv Debono kkonferma ma’ The Malta Independent li sar jaf mill-mezzi tax-xandir, u meta mistoqsi jekk hux sejjer il-laqgħa qal li mhemmx dubju li se jagħmel dan. Għax fi kliemu żball ma tikkoreġihx b’ieħor.
Il-mod kif Karol Aquilina, il-President tal-Amministrattiv sejjaħ din il-laqgħa huwa indikazzjoni oħra tal-problemi kbar interni li hemm fil-Partit Nazzjonalista bħalissa.
Karol Aquilina hu biċċa waħda mal-kap caretaker Simon Busuttil u Richard Cachia Caruana.
Aquilina rebaħ is-siġġu parlamentari tiegħu b’elezzjoni każwali fl-aħħar elezzjoni u diġa’ għamilha ċara li lanqas tgħaddilu minn moħħu li jekk jirbaħ Adrian Delia iċedilu s-siġġu.
Bħalissa Delia jinsab f’nofs kontroversja minħabba sensiela ta’ allegazzjonijiet li saru dwaru u fuqhom qed jirkbu dawk li jippreferu kandidat ieħor għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.