Il-Kap tas-Servizz Pubbliku, Tony Sultana ltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-unjins Maltin; laqgħa li kellha l-għan li ttejjeb ir-relazzjonijiet ma’ dawk li jirrappreżentaw il-ħaddiema u ssaħħaħ il-proċess tan-negozjati.
Fil-laqgħa ntqal li fl-aħħar ħames xhur ġew iffirmati tnax-il ftehim kollettiv ġdid filwaqt li, fl-istess ħin, is-Servizz Pubbliku ltaqa’ mal-unjins kollha.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku tkellem dwar l-importanza li qed tingħata lejn dan l-aspett minħabba l-fatt li ftehimiet kollettivi mhux biss itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiem, iżda jservu wkoll ta’ inċentiva sabiex wieħed itejjeb il-ħiliet tiegħu.
Tony Sultana rrikonoxxa l-fatt li, waqt it-taħdidiet mal-unjins, mhux kollox jimxi ward u żahar, iżda appella sabiex waqt dawn it-taħditiet kulħadd iżomm f’moħħu l-interess komuni.
Għal din il-laqgħa attendew id-disa’ unjins li għandhom xi tip ta’ ftehim mas-Servizz Pubbliku.
Preżenti wkoll mal-Kap tas-Servizz Pubbliku kien hemm is-Segretarju Permanenti Joyce Cassar u uffiċjali mit-Taqsima għar-Relazzjonijiet Industrijali.