Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien organizza laqgħa mar-residenti dwar il-proġett għat-triq f’Tal-Barrani, fejn ġie spjegat b’mod aktar dettaljat dak li qed jiġi propost, waqt li dawn setgħu jwasslu s-suġġerimenti tagħhom.
Fost l-oħrajn ġiet spjegata fid-detall is-sistema l-ġdida tad-dwal tat-traffiku li se tkun ikkordinata biex tul it-triq ewlenija t-traffiku jkun immaniġġjat aħjar.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonnet, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon, u l-Perit Raphael Abdilla mill-istess entità.
Falzon spjega kif dan il-proġett se jtejjeb il-konnessjonijiet diretti bejn l-irħula tal-madwar u t-tnaqqis tat-traffiku fil-qalba tal-lokal. Dawn ix-xogħlijiet mistennija jibdew mill-aktar fis possibbli u jkunu lesti sa ma qabel jibdew l-iskejjel f’Settembru li ġej.