F’April tas-sena d-dieħla, waqt li Malta tkun qed tokkupa l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew, se ssir l-ewwel laqgħa tax-xorti tagħha bejn iktar minn reġjun wieħed.
Fil-fatt, fiha se jkun hemm il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, l-għaxar pajjiżi li flimkien jiffurmaw is-Southern Neighbourhood u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis wara nofsinhar flimkien mal-Ministru tar-Repubblika Ċeka għall-Affarijiet Barranin Lubomir Zaoralek.
Waqt din il-laqgħa se jkunu diskussa kwistjonijiet ta’ interess komuni li qed jaffettwaw l-Unjoni Ewropea, il-Mesiterran u r-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq.