Id-Deputat Prim Ministru semma wkoll kif fil-jiem li ġej, l-Awtoritajiet se jiddiskutu l-organizzazzjoni tal-festi kif nafuhom tradizzjonalment.
“Din il-ġimgħa l-Prim Ministru u jien se nkunu qed niltaqgħu mal-għaqda nazzjonali tal-każini tal-baned imbagħad ma’ stakeholders oħrajn inkluż mal-Kurja, biex flimkien nanalizzaw b’mod xjentifiku l-fatti u l-fatturi li jridu ikun hemm in place biex jerġa’ jkollna l-festi kif nafuhom b’mod sigur.”
Fid-diskors tiegħu fil-Parlament, id-Deputat Prim Ministru semma l-investiment massiċċ li l-Gvern Malti wettaq sabiex jipproteġi saħħet il-poplu Malti u Għawdxi, fost dawn hemm il-miljuni t’ewro li ġew investiti fuq il-vaċċin.
Fil-fatt nhar il-Ħamis li ġej Malta se tilqa’ lill-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa.
Din se tkun tista’ tara s-suċess li kellu f’pajjiżna fil-programm ta’ vaċċinazzjoni.
“Il-Ħamis il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa ħa tkun qiegħda Malta propju biex tara u tagħti s-sinjal li l-programm tal-vaċċin ġewwa Malta kien wieħed mill-akbar suċċessi fl-Ewropa kollha u għandu jitqies bħala każ ta’ prattika tajba.”
Intant, l-Awtoritajiet tas-Saħħa bħalissa qed jiddiskutu wkoll sabiex minn nofs jew l-aħħar ta’ Frar ikun hemm tibdil fil-liġi tal-kwarantina.
Chris Fearne spjega li l-indikazzjoni hi li jonqos iż-żmien ta’ kwarantina għal kategorija ta’ nies.