Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tas-Slovenja Anže Logar.
Laqgħa li matulha ż-żewġ naħat trattaw diversi temi fosthom żviluppi fil-Mediterran, il-migrazzjoni irregolari u l-prijoritajiet tas-Slovenja għall-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jmiss.
Il-Ministru Evarist Bartolo fisser kif iż-żewġ pajjiżi għandhom ħafna affarijiet komuni li joffru bażi soda ta’ koperazzjoni bejniethom f’diversi oqsma, fosthom fil-Mediterran. Il-Ministru Bartolo sostna li d-destin tal-Unjoni Ewropea huwa intrinsikament marbut mad-destin tal-Mediterran u mad-destin tal-Afrika.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-migrazzjoni irregolari, fejn spjega l-isfidi kbar ta’ Malta bħala stat gżira fuq il-fruntiera tan-nofsinhar tal-Ewropa. Huwa fisser kif il-wasliet m’għadhomx limitati għax-xhur tas-sajf, u li mingħajr il-koperazzjoni tal-Gwardja tal-Kosta Libjana l-Unjoni Ewropea kienet taffaċċja kriżi umanitarja kbira.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Anže Logar laqa’ l-impenn ta’ Malta li tappoġġja is-Slovenja fl-ambizzjoni tagħha li tingħaqad mal-Med 7, u qal li dan qed isir fi żmien opportun hekk kif ftit xhur oħra s-Slovenja se tkun qed tmexxi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – b’liema rwol tista’ tippromwovi l-interessi tal-grupp ta’ pajjiżi tal-Mediterran.
B’rabta mal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea Anže Logar qal li l-prijoritajiet tas-Slovenja jinkludu t-tisħiħ tar-reżiljenza tal-UE, it-tisħiħ ta’ sistema tas-saħħa Ewropea robusta, it-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE fl-immaniġġjar ta’ kriżijiet (mhux biss fil-qasam tas-saħħa iżda anke f’oqsma oħra, fosthom tal-migrazzjoni rregolari), it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, il-promozzjoni tal-istil ta’ ħajja Ewropea, is-sostenn tal-koperazzjon Trans-Atlantika, u t-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tal-Unjoni Ewropea.
Iż-żewġ naħat qablu li jaħdmu flimkien biex jilħqu dawn it-tragwardi importanti, u li jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet ta’ bejniethom għal ġid reċiproku taż-żewġ popli.