Waqt laqgħa f’Malta mas-Segretarju tal-Istat fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tas-Slovakkja, Peter Mišík (MI-ĊIK), il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, qal li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi għandhom jissaħħu permezz, fost l-oħrajn, ta’ relazzjoni kummerċjali aktar b’saħħitha.
Il-Ministru Borg qal li bħalissa ż-żewġ gvernijiet għaddejjin b’xogħol relatat mad-diplomazija kulturali sabiex jingħalaq ftehim ta’ kooperazzjoni ġdid dwar il-kultura.
Ġew diskussi wkoll il-kollaborazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea u numru ta’ materji li qed jiġu diskussi bħalissa fil-fora Ewropej, b’mod partikolari rigward il-patt tal-immigrazzjoni, is-sitwazzjoni tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna, u anke t-terminu ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.