Il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, qiegħed isegwi mill-qrib l-aħħar żviluppi fejn numru ta’ kunsilli lokali qegħdin jiġu infurmati mill-Environmental Landscapes
Consortium illi mhux ser iġeddu l-kuntratti dwar xogħol relatat ma’ landscaping kif ukoll manutenzjoni ta’ ċerti spazji miftuħa oħra f’lokalitajiet diversi. Il-Ministeru jifhem li din qiegħda tpoġġi pressjoni fuq il-kunsilli lokali u b’mod immedjat ser ikun qiegħed isejjaħ laqgħa sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni.
Filwaqt li jidher li din l-azzjoni mill-ELC hija marbuta mal-fatt illi l-kuntratt ta’ estensjoni jiskadi lejn l-aħħar ta’ din is-sena, il-Ministeru ser ikompli bil-ħidma tiegħu sabiex, anke fid-dawl ta’ dak li kien irrakomandat mill-Awditur Ġenerali, jinħareġ fis-suq tender pubbliku fix-xhur li ġejjien. Il-gvern jibqa’ kommess u impenjat illi fi kwalunkwe ċirkostanza, jassigura li l-għejxien tal-ħaddiema jibqa’ ssalvagwardjat.
Id-diskussjonijiet mal-partijiet konċernati kollha, ser ikomplu fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjien.
Ritratt: ELC