Il-President Ukren Vlodyomyr Zelensky kien milqugħ fl-Oval Office tal-White House b’għadd ta’ kritika mill-President Amerikan Donald Trump illejla, li wkoll akkużah li qed jilgħab mal-possibbiltà tat-Tielet Gwerra Dinjija u li qed ipoġġi l-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni f’riskju.
F’xandira diretta, fejn iż-żewġ Presidenti u l-Viċi President Amerikan J.D. Vance ukoll wieġbu għal mistoqsijiet tal-ġurnalisti li kienu mistiedna għal parti twila mil-laqgħa, in-nervi kienu għoljin.
B’mod partikolari għal dik li kienet deskritta bħala arroganza ta’ Zelensky, li saħansitra wissa lil Trump li pajjiżu għad jibda jħoss il-problemi militari fiż-żmien li ġej. Bir-risposta immedjata tal-President tkun li ma jistax jgħid dak, speċjalment meta l-problemi serji jinsabu f’ħoġor pajjiżu.
Anke l-Viċi President Amerikan kellu xi jgħid dwar dan fejn akkuża lil Zelensky li fil-ħin li għamel fil-White House lanqas biss indenja ruħu jirringrazzja lill-amministrazzjoni ta’ Trump, li kieku ma kienx għall-appoġġ Amerikan, l-Ukrajna ilha li tilfet il-gwerra mar-Russja.