Fl-isfond tal-isforz nazzjonali favur l-għaqda nazzjonali u f’antiċipazzjoni għall-pubblikazzjoni tal-White Paper fuq id-dikriminalizzazzjoni tal-użu personali b’mod responsabbli tal-kannabis, il-Forum Żgħażagħ Laburisti organizza laqgħa li ġabet flimkien organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw liż-żgħażagħ f’diskussjoni dwar l-użu personali b’mod responsabbli tal-kannabis.
Fi stqarrija l-Forum Żgħażagħ Laburisti qal li lura f’Settembru li għadda waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-fergħa, l-Eżekuttiv tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, ippreżenta mozzjoni politika dwar il-kannabis u nieda proċess konsultattiv li permezz tiegħu tkellem ma’ msieħba fil-qasam u mal-membri tal-fergħa.
Il-Forum Żgħażagħ Laburisti sostna li l-perspettiva li żamm kienet li l-proċess ta’ legalizzazzjoni tal-użu personali b’mod responsabbli tal-kannabis għandu jinbena fuq:
- L-ewwel, il-proċess leġiżlattiv li ddekriminalizza id-droga kannabis ftit tas-snin ilu;
- It-tieni, il-ħsieb li persuni li jagħmlu użu personali b’mod responsabbli ma jeħtiġux il-kundanna tas-soċjetà imma għajnuna biex jeliminaw id-dipendenza li għandhom;
- It-tielet, investiment aktar qawwi fir-riċerka u l-edukazzjoni dwar l-użu, u f’alternattivi li jbiegħdu ż-żgħażagħ mill-użu tad-droga.
B’dan kollu, il-Forum Żgħażagħ Laburisti stqarr li se jkun qed jgħin fil-ġlieda kontra l-użu tad-droga, l-esklużjoni u l-emarġinazzjoni soċjali li jistgħu jwasslu għal dannu fuq is-soċjetà nnifisha.
Il-Forum Żgħażagħ Laburista tenna li llum kien imiss li jlaqqa’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw liż-żgħażagħ biex jiddiskutu r-riforma fuq l-użu personali b’mod responsabbli tal-kannabis.
Għal din il-laqgħa ħadu sehem rappreżentanti mill-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), Kunsill Studenti MCAST (KSM), Kunsill Studenti Junior College (KSJC), Pulse, Team Start u Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ); kienu mistiedna wkoll l-Istudenti Demokristjani Maltin (SDM) u l-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN).
L-interventi tar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet irrigwardjaw diversi aspetti, mill-użu u l-effetti soċjali tal-kannabis fost iż-żgħażagħ sal-implimentazzjoni tar-riforma u l-infurzar, sostna l-Forum Żgħażagħ Laburisti.
Dawk li ħadu sehem irringrazzjaw lill-Forum Żgħażagħ Laburisti għal din id-diskussjoni u qablu li għandu jkun hemm sforzi għal diskussjoni matura bħalma kienet din tal-lum, mingħajr battibekki politiċi li ma jwasslu għal imkien.
Din kienet laqgħa oħra parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni li qed issir fis-70 anniversarju mit-twaqqif tal-fergħa taż-żgħażagħ fil-Partit Laburista.