Il-Ħamis filgħodu, il-President ta’ Malta George Vella ltaqa’ mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.
Il-President Malti laqa’ lill-President tal-Parlament Ewropew fil-Palazz tal-President f’Sant Anton, qabel il-Pontifikal ta’ San Pawl fil-Belt.
Waqt din iż-żjara uffiċjali, Dr George Vella u Roberta Metsola kellhom laqgħa privata.
Din hija l-ewwel żjara ta’ Metsola f’pajjiżna, wara li x-xahar li għadda nħatret President tal-Parlament Ewropew.
F’kummenti lill-midja, Roberta Metsola qalet kif fis-sentejn u nofs li ġejjin, il-Parlament Ewropew għandu diversi sfidi, fosthom dwar l-ambjent, l-immigrazzjoni u l-politika barranija.
Spjegat, “Tkellimna ħafna fuq pajjiżna, fuq l-irwol ta’ pajjiżna, fid-diskussjoni tal-Ewropa fil-Parlament Ewropew, il-bżonn tal-għaqda, il-bżonn tar-rispett ta’ xulxin, il-bżonn li l-politiku jagħmel il-ġid.”
Il-President ta’ Malta George Vella qal kif din kienet laqgħa kordjali u awguralha għall-ħatra tagħha.
Qal, “Wgħedna lil xulxin illi jkollna ċ-ċans li fi żmien mhux tant ’il bogħod ikollna laqgħa aktar formali, laqgħa aktar dettaljata, fejn nistgħu nitkellmu dwar affarijiet li semmiet anki s-Sinjura Metsola hawnhekk issa u li tkellimna fuqhom, fosthom il-problemi li qed taffaċċja l-Ewropa illi anke coming to ahead wara l-Covid.”
Il-President Malti tkellem ukoll dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni li għaddej bħalissa fl-Unjoni Ewropea dwar il-futur tal-Ewropa.