Il-Gvern se jassigura l-istabilità filwaqt li tissaħħaħ il-komunità tan-negozji tkun tista’ timxi ‘l quddiem.
Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela meta ltaqa’ mal-kamra tal-kummerċ Għawdxija.
Waqt żjara li għamel flimkien mal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, Dr Abela stqarr li hemm ir-rieda min-naħa tal-komunità tan-negozji Maltin u Għawdxin, u kemm min-naħa tal-Gvern għal sinerġija aħjar biex nibqghu mixjin ‘il quddiem.
Il-Prim Ministru Robert Abela: “Qegħdin nitkellmu l-istess lingwa f’dak li huma l-prinċipji li jridu jmexxuna ‘l quddiem u dik xi ħaġa li verament timlini b’kuraġġ għax m’hemmx dubji li l-Gvern huwa wieħed pro-market. Kien pro-market, se jibqa’ pro-market. Nemmen ħafna fil-komunità kummerċjali għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna. Se jkollhom is-suq miftuħ sabiex jimirħu ‘l quddiem u l-Gvern se jkun qed jiffaċilita dan it-tkabbir ekonomiku.”
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, Joseph Borg laqa’ b’entużjażmu l-bidla li bdiet tinħass bil-ħatra tal-Prim Ministru l-ġdid Dr Robert Abela.
Qal kif l-għan tal-Kamra hu li tkompli tippromwovi l-involviment ta’ negozji Għawdxin f’Għawdex stess biex tkompli tiġi ppreservata l-identità Għawdxija. Kruċjali għal dawn hemm il-konnettività.
Is-Sur Borg qal: “Tkellimna anke dwar il-bżonnijiet kollha ta’ Għawdex partikolarment il-komunikazzjoni, ir-raba’ vappur semmejna l-fast ferries, il-linja tal-ajru u semmejna l-bżonn li x-xogħol fuq it-tunnel jibda’ kemm jista’ jkun malajr.”
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li hemm relazzjoni tajba ħafna u miftuħa bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Kamra. Qalet li fil-ġimgħat li ġejjin ser ikun hemm aktar żviluppi fir-rigward tat-tieni fibre optic cable bejn il-gżejjer u qalet kif il-Ministeru tagħha qed ikompli jassisti n-negozji Għawdxin.
Semmiet kif hemm pjanijiet biex l-insularità doppja tiġi indirizzata u dan permezz ta’ ħidma biex negozji f’Għawdex ikollhom level playing field meta mqabbel ma’ dak tan-negozji Maltin.
Ritratti: Gareth Degiorgio