Kull student tas-seba’ sena se jingħata laptop ġdid sabiex ikun jista’ jgħinu fl-istudji tiegħu. Dan ħabbru l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, bħala parti minn pakkett ta’ miżuri għas-settur edukattiv.
Il-Gvern se jkompli bl-iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, b’investiment ta’ €10 miljun, flimkien ma’ programmi oħra bħat-Training for Employment u Investing in Skills.
Dawk li jixtiequ javvanzaw fl-istudji tagħhom permezz ta’ Masters jew Dottorat se jingħataw assistenza finanzjarja permezz ta’ rifużjoni fit-taxxa u boroż ta’ studju.
Kif diġà tħabbar, il-proġett tal-kampus il-ġdid tal-ITS fi Smart City inbeda u issa l-ITS beda jaħdem fuq proċess ta’ ristrutturar operattiv bil-għan li jimplimenta l-pjan strateġiku tiegħu. L-ITS se jara li jestendi l-ambitu akkademiku tiegħu għall-korsijiet akkreditati sal-livell MQF 7.