F’diskors twil mimli negattivita tant li ma sabx ħaġa waħda xi jfaħħar f’pajjiżna, il-Kap tal-Oppożizzjoni ma kellux imqar proposta ta’ kif se joħoloq il-ġid biex imbagħad ikun jista’ jqassmu.
Għax biex jitqassam il-ġid wieħed irid joħolqu u huwa dan il-gvern żied il-ġid u firxu fost iktar nies. Tant il-ġid qed jinfirex dejjem iktar li sa din il-ġimgħa kien ikkonfermat kif 16,000 persuna oħra ħarġu mir-riskju tal-esklużjoni soċjali. Dan saħqu l-Partit Laburista fi stqarrija.
Fuq kollox ħafna mid-diskors ta’ Adrian Delia dalgħodu kien jixbah lil dak ta’ Simon Busuttil qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.
Fil-fatt, illum Adrian Delia wera li reġa’ nħakem għal kollox mill-klikka ta’ Simon Busuttil u ċeda għal kollox l-idea li jdaħħal xi mod ġdid. Dan kif wera hu stess waqt l-istess kunsill ġenerali meta mar jgħolli jdejn dak li sa ftit xhur ilu ried ikeċċih biex jerfa’ r-responsabbiltà politika tal-ikbar gidba politika fl-istorja politika ta’ pajjiżna. Biex illum dik il-gidba għamilha tiegħu.
Saħansitra prova oħra ta’ kemm inħakem minn din il-klikka huwa l-fatt li Delia lanqas lissen kelma waħda dwar l-aħbar li hemm investigazzjoni kriminali fuq il-każ tal-Fekruna li seħħ taħt ir-responsabbiltà politika ta’ Jason Azzopardi. Biex dak kollu li jgħid fuq ħaddieħor għal darb oħra ma jridux japplika għad-deputati tiegħu. Dan fl-ikbar xhieda li Delia lanqas kredibbli ma jista’ jkun.