Fil-jum sinonimu mat-tbatija tal-omm, omm li esperjenzat il-vera sens ta’ dulur, qasmet magħna l-vjaġġ diffiċli li ġab miegħu l-kanċer tal-lewkimja f’binha.
Fl-iskola Primarja ta’ San Ġwann, l-omm qaltilna kif tliet snin ilu ħadet l-aħbar li binha Luca żviluppalu l-kanċer tal-lewkimja.
Kollox beda meta Luca kellu seba’ snin, u bdew jiżviluppawlu tbenġil kull ftit sigħat madwar ġismu, li ġibdu l-attenzjoni t’ommu.
Wara li ttieħed l-emerġenza u ttieħdulu kampjuni tad-demm, sfortunatament irriżulta li t-tbenġil kien kawża tal-lewkimja.
Qalet, “Dak iż-żmien fhemtu li hu għandu dudu. Issa dak iż-żmien kellu seba’ snin, illum għandu għaxra jifhem li mhux dudu. Qed jifhem is-serjetà tas-sitwazzjoni.”
L-omm tgħid kif minkejja li t-trattament li kellu bżonn, seta’ jingħata f’Malta, il-familja xorta kellha tkun ’il bogħod minn xulxin, minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija.
Qalet, “L-aktar parti li kienet iebsa, meta Luca it-trattament affettwah li l-anqas kien jidħak, qas kien jitbissem kien imdejjaq ħafna. Kien żmien diffiċli għaliex fil-Covid jew jien jew ir-raġel biss stajna noqgħodu miegħu allura konna nagħmlu ħmistax jiena u ħmistax ir-raġel u infridna bħala familja. L-iktar parti iebsa ukoll kienet meta Luca ma baqax jimxi.”
Roberta ma naqsitx milli tinnota s-sens altruwist li minkejja l-età żgħira tagħhom, sħabu tal-iskola ukoll kienu ta’ spalla għal Luca.
Qalet, “Sħabu mhux kollha jirreaġixxu l-istess imma kien hemm min li kuljum baqa’ jċempillu biex jara kif inhu. Anki kienu jipprovaw joqgħodu jilgħabu onlajn anki meta ma kienx jimxi.”
Issa, jekk kollox imur sewwa, Luca jinsab fl-aħħar żmien tat-trattament tiegħu.
Qalet, “Issa jonqosna l-aħar tliet xhur tat-trattament l-anqas naf kif se nħossni wara għax kif qed ngħidlek il-ħajja tkun naqra limitata.”
Issa Luca jinsab ħerqan biex igawdi s-sajf wara li jkun għeleb vjaġġ daqstant diffiċli.
Qalet, “Eżempju Luca jieqaf jiekol u jixrob bil-ħin kull filgħaxija minħabba li kull filgħaxija jieħu l-pilloli chemo. Dik il-ħaġa li jista’ jibqa’ jixrob sa x’ħin irid hija xi ħaġa li aħna nieħduha for granted imma għalih qed jistennieha. Jista’ jagħmel water slides, jista’ jsiefer, jista’ jagħmel ħafna affarijiet li hu ma setax jagħmel.”
Spikka wkoll is-sens altruwist ta’ omm Luca u voluntiera sħabha li flimkien tellgħu inizjattiva fejn għamlu għadd ta’ ftajjar b’risq Puttinu Cares.
Qalet, “Din l-inizjattiva hija ‘Maltese Ftira Day’, is-sena l-oħra għamilnieha fundraising għal Puttinu Cares. Puttinu Cares għalija huwa pilastru għal ħafna familji għaliex allaħares ma jkunx hu. Is-sena l-oħra għamilna din il-fundraising, din is-sena qed nagħmluha għat-tieni darba imma b’mod ikbar għaliex għandna ordni ta’ elfejn u ħames mitt ftira.”
Il-Fondazzjoni Puttinu Cares ta’ kuljum tgħin lil għexieren ta’ familji Maltin u Għawdxin waqt li jkunu qed jikkumbattu xi marda.
Fil-Ġimgħa l-Kbira l-appell huwa biex kulħadd jgħin lil Puttinu, kif qalulna wkoll oħt u ħabiba ta’ Luca.