Laneċ tal-irmonk li joperaw fil-portijiet Maltin u Ewropej mhux se jkunu suġġetti għal piżijiet amministrattivi bla bżonn wara li l-Kummissjoni Ewropea aġġornat ir-regoli tagħha dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet marittimi. Din il-bidla waslet wara azzjoni diretta mill-Ewroparlamentari Daniel Attard, b’konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-kumpaniji lokali u Ewropej li jaħdmu fis-settur.
Kif spjegat is-Segretarju Ġenerali tal-European Tugowners’ Association, Anna Maria Darmanin, il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni kienet tpoġġi laneċ tal-irmonk fl-istess kategorija ta’ vapuri kbar li joperaw fl-ibħra internazzjonali. Dan kien se joħloq piżijiet sproporzjonati fuq kumpaniji li normalment joperaw fil-portijiet, bħalma huma t-tugboats.
“Dak li għamel Daniel huwa li kiteb immedjatament lill-Kummissjoni Ewropea u ltaqa’ mal-Kummissjoni Ewropea biex anke hu jitkellem dwar il-każ tagħna. Allura kellna l-istakeholders marittimi kollha li qed jghidu l-istess haga, kellna ukoll MEP li taghti iktar importanza u rilevanza fuq il-kaz, jghid ukoll kemm hi problematika, u llum il-gurnata l-‘offshore tug’ issa harget minn din id-‘delegated act’.”
Segretarju Ġenerali tal-ETA, Anna Maria Darmanin
F’ittra uffiċjali lill-Kummissjoni Ewropea f’Settembru li għadda, u fit-taħdidiet sussegwenti, Attard argumenta b’suċċess li filwaqt li l-Unjoni Ewropea trid tħares l-miri ambjentali, m’għandiex tpoġġi lil kulħadd fl-istess keffa, b’theddida għall-ħaddiema u l-għajxien tagħhom.
“Il-Kummissjoni Ewropea uffiċjalment aġġornat ir-regoli tagħha, billi eliminat il-laneċ tal-irmonk mill-iskop u mill-piżijiet żejda ta’ dawn ir-regoli. Bidla li tirrifletti s-sens, komun, il-ġustizzja, u l-ħarsien tal-kompetittività ta’ Malta. Dan huwa dak li nemmen fih u nħaddan kuljum f’xogħoli bħala rappreżentant tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Li nisma’ u naġixxi biex niddefendi l-interessi nazzjonali. U fuq kollox biex niksbu r-riżultati għal Malta.”
Dr. Daniel Attard, Membru Parlamentari Ewropew
Ir-regoli l-ġodda issa ġew ippubblikati uffiċjalment u jinkludu bidliet li jirriflettu l-kontribut ta’ Attard u l-partijiet interessati li kien irrappreżenta.