Il-Qorti tal-Appell ċaħdet it-talba tal-koppja Paul u Alexandra Piscopo biex il-pulizija tirrilaxxa d-dgħajsa Dimitra, li kienet inżammet mill-uffiċjali tad-Dwana fuq suspett li ntużat biex jiddaħħal diesel bil-kuntrabandu.
Fid-deċiżjoni li ngħatat mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u ż-żewġ Imħallfin Joseph Micallef u Tonio Mallia ġiet ikkonfermata s-sentenza li kienet ingħatat fil-Prim Awla Ċivili fl-aħħar t’Ottubru ta’ erba’ snin ilu.
Il-koppja, li kienet fin-negozju tas-sajd, kienet argumentat li kienet liberata minn proċeduri kriminali dwar kuntrabandu tal-fjuwil.
Il-każ imur lura għall-2013 meta d-dgħajsa Dimitra, li kienet għadha kemm inxtrat mill-Eġittu, tneħħa d-diesel minnha biex suppost isiru xi tiswijiet.
Hekk kif trakk bid-diesel li kien fuq id-Dimitra kien fi triqtu biex jittieħed fuq dgħajsa oħra, uffiċjali tad-Dwana waqfu t-trakk u bdew investigazzjonijiet fuq allegat kuntrabandu tad-diesel.
Il-Qorti tal-Appell qalet li filwaqt li ma nstabux provi li l-appellant kellu l-intenzjoni li jbigħ il-fjuwil bla dazju, il-proċeduri kriminali fil-konfront tal-Kaptan tal-lanċa għadhom pendenti u għalhekk id-dgħajsa għandha tibqa’ konfiskata.