Ġie inawgurat laboratorju tas-simulazzjoni ġdid fi ħdan l-Akkademja IDEA fil-Mosta, għal persuni li jixtiequ jaħdmu bħala infermiera f’Malta.
L-iskop huwa li l-istudenti jingħataw togħma tar-realtajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom mal-pazjenti fl-isptarijiet.
Il-korsijiet li qed isiru f’dan il-laboratorju huma mmirati l-aktar għall-barranin diġà ggradwati bħala infermiera li jixtiequ jiġu jaħdmu fl-isptarijiet f’Malta, iżda jista’ japplika wkoll anki min mhux iggradwat jew studenti Maltin stess.
Iċ-Chairman tal-Akkademja, Silvio De Bono, spjega ma’ ONE News li l-korsijiet jiffukaw l-iktar fuq il-parti prattika, anki fil-kuntest li l-età medja tal-istudenti tal-Akkademja hija ta’ madwar ħamsa u tletin sena.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne nnota li minkejja dan l-investiment sar mill-privat, huwa kruċjali biex jgħin fit-taħriġ tal-professjonisti li jkunu qed jistudjaw f’pajjiżna, biex is-servizz tas-saħħa mogħti fl-isptarijiet tagħna jkun tal-ogħla livell.
Hawnhekk fakkar kif l-infermiera kollha li jiggradwaw minn istituzzjonijiet Maltin, jiġu offruti mill-ewwel impjieg mas-servizz tas-saħħa pubblika.
Qal li minkejja li kull sena jiggradwaw diversi infermiera – per eżempju s-sena l-oħra ggradwaw mija u sebgħa u għoxrin infermier, dejjem jibqa’ l-ħtieġa għal aktar infermiera.