Il-European Molecular Biology Laboratory, li jgawdi mill-ogħla livelli internazzjonali fir-riċerka, jinsab f’pajjiżna għal erba’ ġimgħat fejn se joffri l-opportunità lil dawk interessati fl-istudji relatati.
Il-laboratorju hu magħmmar b’diversi tekonoloġiji moderna, inkluż għall-ispeċjalizzazzjoni fir-riċerka mikro-bioloġika relatata mal-ibħra.
Waqt l-inawgurazzjoni tas-servizz temporanju offrut fl-Università ta’ Malta, tkellmet il-Professur Melissa Formosa mid-Dipartiment tax-Xjenzi Mediċi, li qalet kif, wara li pajjiżna sar membru fi ħdan l-EMBL fl-2016, saret ħidma biex tikber anke l-koperazzjoni bejn il-partijiet.
Stqarret kif dan qed isir biex ikunu anke studjati aħjar il-bioloġija marittima, bijoloġija u xjenza, kif ukoll dik fil-mediċina u s-saħħa.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal kif, permezz ta’ kollaborazzjonijiet simili, ir-riċerkaturi u l-istudenti Maltin ikollhom opportunità jaqsmu l-istudji tagħhom anke barra minn xtutna.
“Bi ppjanar u strateġija qed naħdmu anke ma’ partners internazzjonali biex nassiguraw li nagħtu opportunitajiet lil-letturi tagħna, lir-riċerkaturi tagħna u l-istudenti tagħna bl-aqwa għarfien li l-Università ta’ Malta għandha tkun ċentru ta’ riċerka, ċentru li fih jinħoloq l-għerf, allura dan l-għerf li wieħed joħloq ikun jista’ jintuża biex jindirizza aspetti varji tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.”
Il-Ministru Clifton Grima
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-riċerka u l-innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, stqarr kif din il-kollaborazzjoni hi waħda importanti u kienet possibbli wara żieda finanzjarja fil-portafoll fl-aħħar baġit.
Minbarra hekk, ħabbar li se jkun anke qed isir programm ta’ outreach biex it-tfal u ż-żgħażagħ jiġu mħajrin jagħżlu suġġetti relatati max-xjenza.
“Aħna nafu kemm suġġetti tax-xjenza huma importanti, fejn grazzi għal dan il-laboratorju, se nkunu qegħdin nħarrġu u nħeġġu lil diversi tfal u żgħażagħ tagħna, studenti żgħar, biex jagħżlu s-suġġetti tax-xjenza.” Keith Azzopardi Tanti, Segretarju Parlamentari
Keith Azzopardi Tanti, Segretarju Parlamentari