Il-Fakultà tal-Inġinerija fi ħdan l-Università ta’ Malta qed tgawdi minn laboratorji ġodda state-of-the-art li huma essenzjali għal studenti u riċerkaturi għall-bżonnijiet tagħhom ta’ kuljum.
Dawn il-laboratorji ġew inawgurati bil għan li fihom jilqgħu proġetti ta’ riċerka u analiżi ta’ diversi materjali li jintużaw fl-industrija.
Fil-fatt, din hija l-ewwel darba li l-Fakultà tal-Inġinerija fl-Universita ta’ Malta għandha laboratorji dedikati għar-riċerka biss.
One News żar dawn il-laboratorji fl-Università ta’ Malta. Hemmhekk, stħarriġna aħjar l-użu tagħhom mad-Dekan tal-Fakultà tal-Inġinerija, il-Professur Andrew Sammut, u mal-Viċi Dekan, il-Professur Glenn Cassar.
Huma spjegaw kif dan l-ispazju ġdid ikopri elf metru kwadru ta’ spazju għal xogħol fuq 3 sulari differenti u 14 il-laboratorju speċjalizzat.
Dan l-ispazju jinkludi wkoll makkinarju ġdid, fosthom tliet rigs tal-ipproċċessar.
Il-Professur Andrew Sammur tkellem dwar l-erbgħa oqsma ta’ riċerka li jindirizza dan il-proġett.
Se jkun qed jindirizza erba’ oqsma ta’ riċerka li huma s-saħħa, il-high value end manufacturing, it-trasport u r-resource efficiency tal-bini. Dawn huma l-oqsma li l-pajjiż iddeċieda li huma ta’ interess bħala riċerka fl-inġinerija.
Intant, il-Professur Glenn Cassar, spjegalna xi istanzi li fihom jistgħu jintużaw dawn il-laboratorji.
Naqbdu teknoloġiji eżistenti forsi kif timmanifattura cutter, trapan, affarijiet li n-nies jistgħu faċilment jassoċjaw magħhom għax rawhom fil-workshops tagħhom, u nġeddu l-kapaċitajiet tagħhom. Mela allura għandek biċċa għodda li kapaċi, wara t-trattamenti li noħolqulha aħna u wara li nagħmlu r-riċerka fuqhom u nkunu kapaċi ntejbuhom, dawn jibdew itejbu l-performance, inaqqsu s-sħana ġenerata, itawlu l-ħajja tagħhom u l-utilizzazzjoni tagħhom fil-funzjoni rispettiva.
L-investiment f’dawn il-laboratorji mill-Università ta’ Malta jammonta għal madwar 38 miljun u huwa kkofinanzjat b’fondi mill-Unjoni Ewropea.