Id-devozzjoni lejn ix-xbieha tar-Redentur mirakoluż tal-Isla dejjem baqgħet b’saħħitha, speċjalment fi żminijiet diffiċli li l-poplu Malti għadda minnhom.
L-Arċipriet tal-Isla, Fr Robin Camilleri saħaq li f’dawn iż-żminijiet it-talb quddiem din ix-xbieha jfakkrek fit-tbatijiet li għadda minnhom Ġesù Kristu hu u mgħobbi bis-salib.
Spjega li minħabba l-imxija tal-Coronavirus kellhom isiru iktar restrizzjonijiet ta’ dħul quddiem din il-vara iżda t-tama hija li meta jgħaddi dan iż-żmien ta’ sfida, il-Knisja tilqa’ ħafna nies.
Huwa stqarr: “Qed nipprepara ukoll li nagħmlu ġranet tal-Knisja miftuħin 24 siegħa kuljum jiġifieri dak huwa l-ħsieb tiegħi bħala Arċipriet li mhux biss għandi responsabilità tal-kura tal-belt Sengleana imma ukoll ta’ kull min hu devot verament għal din ix-xbieha mirakoluża tar-Redentur.”
L-Arċipriet li din is-sena wkoll ħass in-nuqqas tal-ħruġ tar-redentur mill-bażilika spjega li l-istatwa unika fl-Isla ħelset lil parruċċani fi żminijiet diffiċli oħra, bosta snin ilu.
Huwa sostna: “Il-kapitlu ta’ din il-kolleġjata tal-bażilika tal-Isla kien għamel wegħda li jekk l-Isla tinħeles mil-pesta kull sena jsiru tliet purċissjonijiet. U infatti hekk ġara għax l-Isla ma kienx daħlet il-pesta dak iż-żmien.”
Ir-Redentur mirakoluż tal-Isla apparti li jiġbed lejh ħafna devozzjoni jġorr miegħu storja kbira.
F’manuskritti li nstabu madwar sena ilu nstabu dettalji storiċi dwar l-artist Saverio Laferla li skolpa din l-istatwa fl-elf seba’ mija tnejn u erbgħin.
Minħabba l-imxija tal-Coronavirus, il-pellegrinaġġ Nazzjonali Djoċesan li kien ser isir bir-Redentur ġie pospost filwaqt li nhar il-Ġimgħa l-kbira ix-xbieha tar-Redentur inżammet fin-niċċa.