Is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba, flimkien mas-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija, se jtellgħu Kunċert Mużikali bit-tema tal-wirja La Semana Santa, din id-darba mhux biss fir-raħal pittoresk tal-Imqabba imma wkoll fil-Kapitali Ewropea tal-Kultura, il-Belt Valletta, fil-Gran Salon tal-Auberge de Provence, bla dubju waħda mill-isbaħ swali fil-Belt Valletta fejn hemm il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija.
Dan il-kunċert, intitolat Concierto La Semana Santa de Espana ser jittella’ mill-Banda Re Gorg V taht id-direzzjoni ta’ Mro. David Agius, nhar l-Erbgha 14 ta’ Marzu fis-19.15 u ser ikun taħt il-Patrocinju ta’ L-Onor Dr Owen Bonnici, Ministru ghall-Gustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Fil-kunċert se tindaqq taħlita ta’ siltiet minn mużika klassika u dik Spanjola flimkien ma’ żfin professjonali mill-Alegria Dance Company. Se jkun hemm ukoll akkumpanjament mill-kitarrist Evan Plumpton u l-kantanta Eleanor Cassar u rokna letterarja minn Silvio Bianchi.
Ser ikun hemm transport provdut mill-pjazza tal-Imqabba għal dan il-kunċert li se jdewwaq il-ftuħ tal-wirja La Semana Santa fil-Belt Valletta.
Il-ftuħ tal-wirja La Semana Santa u ċ-Ċenaklu Ħaj fl-Imqabba se jsir il-Ħadd ta’ wara, 18 ta’ Marzu fil-11.00 fis-sede tas-Soċjeta’ Santa Marija u Banda Re Ġorġ V fil-pjazza tal-Imqabba.