Li inkjesta indipendenti uriet li l-allegazzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni ma rriżultaw minn imkien, ma daqqitx għal widnejn Simon Busuttil. Għalhekk daħal fl-istat naturali tiegħu li jattakka lil min għamel l-inkjesta.
Dan kien kliem il-Partit Laburista li spjega li l-ewwel ma riedx Imħallef li nħatar fil-kariga taħt amministrazzjoni Nazzjonalista. Imbagħad kellu problema b’avukat li nħatar Chairperson tal-Kummissjoni tal-Impjiegi bi qbil mal-Partit Nazzjonalista. Issa spiċċa jattakka avukat b’esperjenza vasta kemm fil-kamp ċivili kif ukoll fil-kamp penali.
Il-Partit Laburista spjega li bl-istess mod li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien attakka inkjesta oħra ta’ Karm Vassallo li kien inħatar Brigardier minn Gvern Nazzjonalista. L-istess kif irid ikeċċi lill-Kummissarju tal-Pulizija u kull min ma jaqbilx miegħu.
F’dan il-pajjiż, meta ssir allegazzjoni għandha tiġi investigata biex ikun magħruf jekk hijiex minnha jew le. Ir-riżultat ta’ dik l-investigazzjoni għandu jintlaqa’ irrespettivament jekk joġgħobx lill-Gvern jew lill-Oppożizzoni.
Minkejja li l-inkjesta ppublikata llum uriet li mhux minnu li seħħ xi intervent politiku biex jiġi protett min kien qed jiġi investigat mill-Pulizija, naturalment, għax jaħseb li għandu d-dritt divin li jkun prosekutur, ġurat u Imħallef fl-istess ħin, il-Kap tal-Oppożizzjoni xorta se jibqa jħammeġ u jattakka bl-iktar mod baxx.
Ħaġa waħda żgur mhux se jagħmel. Jippublika l-invoices foloz wara li nqabad li talab flus mingħand negozjant biex jitħallsu l-pagi tal-ogħla żewġ uffiċjali tiegħu kontra l-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Simon Busuttil jibqa falz.