Il-mexxejja Ewropej urew l-appoġġ tagħhom għan-nies li qed jipprotestaw fil-Belarus.
Fl-istess waqt, l-awtoritajiet fil-Belarus komplew bl-arresti ta’ dimostranti li niżlu fit-toroq isejħu għar-riżenja tal-President Alexander Lukashenko.
Waqt laqgħa virtwali, il-mexxejja esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-validità tar-riżultati tal-elezzjoni tal-Belarus, u għamluha ċara li se jżidu l-pressjoni fuq dawk marbuta mal-vjolenza fil-protesti.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula Von Der Leyen, qalet li n-nies tal-Belarus iridu l-bidla, u jriduha issa.
Qalet li tinsab impressjonata bil-kuraġġ li qed juru ċ-ċittadini, li jridu d-demokrazija u elezzjonijiet Presidenzjali ġodda hekk kif fi kliemha dawn la kienu ġusti u lanqas ħielsa.
L-Unjoni Ewropea temmen li r-riżultati tal-elezzjoni fid-disgħa t’Awwissu, li taw lill-President Lukashenko s-sitt terminu tiegħu bi tmenin fil-mija tal-voti, kienu ffalsifikati.