“La jien u lanqas il-komunità m’għandna biex ngħixu.”
Qal dan fi stqarrija lil dan l-istazzjon il-qassis Malti li jgħix f’ġungla fil-Perú, Fr. Alfred Mercieca.
Is-saċerdot qal li f’din is-sitwazzjoni ta’ pandemija tal-Coronavirus u l-lock down totali li hemm fil-pajjiż, qed tagħmel is-sitwazzjoni finanzjarja ferm aktar diffiċli. Dan għaliex bħalissa la l-komunità u lanqas is-saċerdot m’għandhom riżorsi biex jgħixu.
Is-Saċerdot qal li minħabba dan il-virus bosta nies tilfu xogħlhom. Żied jgħid li xi bdiewa ppruvaw jimxu mill-ġungla sal-irħula sabiex isibu xogħol, però qal li jekk dawn jinqabdu mill-gwardjani fiċ-checkpoints dawn jiġu msawta għaliex kissru l-liġi.
Fl-istqarrija s-saċerdot qal li llum il-providenza t’Alla wriet il-preżenza tagħha permezz tad-donazzjoni ta’€2,500 li rċieva mingħand il-Mission Fund.
Saħaq li bis-saħħa tal-għajnuna tal-poplu Malti, se jkun jista’ jkompli l-missjoni tiegħi mal-foqra fejn ilu jaħdem għal dawn l-aħħar 55 sena.