Tafu li llum Santa Barbara?
Il-Malta jgħid: Santa Barbara, la deni u lanqas ħsara. Infatti din hija l-qaddisa protettriċi tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar, li minn jaf kemm isalvaw binjiet u oġġetti minn deni u ħsara!
Biex ifakkru dan il-jum, il-membri fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għamlu girlanda fjuri mal-istatwa tal-Kunċizzjoni fil-faċċata tal-Knisja dedikata lil Santa Barabara fil-Belt Valletta.
Imma wara kollox, x’nafu fuq Santa Barbara? Skont kitba fis-sit “Kappelli Maltin”, Barbara kienet bint sinjurun pagan jismu Dioscorus. Qafilha f’torri biex iżommha ‘l bogħod mid-dinja peress li kien hemm għadd ta’ rġiel li riedu jiżżewġuha minħabba s-sbuħija u t-tjubija tagħha. Iżda missierha kien jibża’ wkoll li Barbara tista’ ssir Nisranija. Barbara żiedet tieqa mat-tnejn li diġà kien hemm fit-torri sabiex ifakkruha fit-Trinità Qaddisa. Minħabba f’hekk l-arkitetti jqisuha bħala l-patruna tagħhom.
Darba waħda, meta missierha rritorna lura minn vjaġġ, Barbara qaltlu li kienet ħaddnet ir-reliġjon tal-Insara. Missierha rrabja ħafna u mmaltrattaha u ried joqtolha u ħadha għand il-Prefett tal-Provinċja Martinianus. Martinianus ittorturaha u ordna li tinqatel bil-qtugħ ir-ras. Kien missierha stess li qatalha rasha iżda bħala kastig Divin, hu u sejjer lura d-dar, laqtitu sajjetta u qatlithu. Minħabba f’din il-leġġenda, ħafna Maltin jitolbu l-protezzjoni ta’ Santa Barbara waqt xi maltempata bis-sajjetti billi jlissnu t-taqbila: “Santa Barbara, la deni u lanqas ħsara“.
Minħabba f’hekk ukoll, bl-assoċċjazzjoni mal-ħoss tar-ragħad li jakkumpanja s-sajjetti, Santa Barbara hija l-patruna tal-Bumbardieri u tas-suldati tal-Artillerija kif ukoll ta’ dawk li jaħdmu bl-esplussivi fil-minjieri.
Ritratti: David Cassar