Luigi Di Maio u Matteo Salvini. Jew jekk tippreferi Matteo Salvini u Luigi Di Maio. Ma jaqblu f’xejn.
Salvini favur proġetti kbar infrastrutturali-fosthom it-TAV, il-linja tal-ferrovija li ghandha tgħaqqad lill-belt ta’ Torino mal-belt Franċiza ta’ Lyons . Imma Di Maio kontra.
Di Maio favur is-solidarjeta’ mal-immigranti. Salvini bla dubju kontra. Tant li għalaq il-portijiet Taljani għal kull żbark ta’ immigranti.
Salvini iżur l-Ungerija u jitpaxxa bil-ħajt li bena l-Gvern Ungeriż biex ma jħalli lill-ebda immigrant illegali jidħol fil-pajjiż. Di Maio favur soċjeta’ aktar inklussiva.
Di Maio jifraħ li l-Prim Ministru Giuseppe Conte issospenda lis-sottosegretarju Armando Siri tal-Lega , il-partit ta’ Salvini, mill-eżekuttiv wara akkużi ta’ tixħim. Salvini infurjat għal din id-deċiżjoni.
Salvini favur il-kastrazzjoni fiżika lil min jikkommetti stupru. Di Maio kontra.
Il-partiti li mexxu Salvini u Di Maio, il Lega u c-Cinque Stelle rispettivament qatt ma ppreżentaw ruħhom flimkien- fl-ebda elezzjoni lokali jew reġjonali. Kif lanqas se jippreżentaw ruħhom flimkien fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fil-25 ta’ Mejju li ġej.
Iżda oħroġ il-għaġeb- minkejja dawn id-diverġenzi u nuqqas ċar ta’ ftehim fuq temi ta’ importanza nazzjonali, mill-10 ta’ Mejju 2018 Salvini u Di Maio jinsabu fit-tmun tal-Gvern Taljan.
Għaliex? Għax sempliċiment huma La Coppia piu’ bella del mondo!
Chi comanda fa la legge.
Ma jaqblu prattikament f’xejn ħlief li jaqblu li jsalvaw il-kolazzjoni tas-sofor-ħodor u jibqgħu fil-Gvern, b’ Giuseppe Conte bħala Prim Ministru li kemm-il darba ddikjara li jrid ikun l-avukat tat-Taljani kollha minkejja li ħafna esperti politiċi għandhom dubju min verament jikkmanda fit-tmun tal-gvern Taljan.
Tgħid jikkmanda Conte bl-edukazzjoni kollha li juri fil-kliem meqjus li jagħżel meta jitkellem? Jew Salvini li jkollu xi jgħid anke mad-dubbien li jkun għaddej minn qribu? Jew forsi Di Maio li b’dik id-dehra ta’ ġuvnott innoċenti jrid li l-pajjiż jgħix rejalta’ politika u soċjali ġdida?
Min jaf!
Qed iberraq!
Intant il-Kummisjoni Ewropeja xejn mhu kuntenta bil-kontijiet pubbliċi u bid-dejn li qed jiżdied. Ic-Cinque Stelle tilfu ħafna mill-appoġġ b’riżultati xejn sodisfaċenti f’numru ta’ elezzjonijiet lokali u reġjonali li saru fl-ahhar xhur. Berlusconi u Tajani, min-naħa ta’ Forza Italia, jippruvaw jirbħu l-fiduċja ta’ Salvini sabiex jiġi ffurmat gvern ċentru lemin.
Wieħed jistaqsi: U x-Xellug? X’sar mix-Xellug fl-Italja wara numru ta’ snin fit-tmun permezz ta’ Enrico Letta, segwit minn Matteo Renzi u Pietro Gentiloni?
Ix-xellug ġralu bħal dak it-tim tal-futbol fejn il-ħdax-il pleyer nsew li huma tim wieħed u kulħadd beda jilgħab għal rasu biex juri kemm hu bravu u kapaċi. Bir-riżultat li t-tim tilef il-boxxla u ma kienx kapaċi jġib riżultati li taf iġġib l-għaqda u l-koeżjoni ta’ bejn talenti differenti.
Niftakar lil Matteo Renzi fl-aqwa tal-popolarita’ tiegħu jitlob lil Enrico Letta sabiex jirreżenja sabiex imexxi hu. Ladarba laħaq Renzi, ħafna esponenti tal-Partit tax-xellug, il-Partito Democratico bdew jagħtu l-gambetti lill-istess Renzi u saret ħafna ħsara interna tant li meta Renzi ppropona Referendum favyr tibdil kostituzzjonali kellu ħafna għedewwa mill-istess partit tiegħu stess u spiċċa biex tilef ir-referendum u kien kostrett jirriżenja. U anke wara xogħol impekkabbli minn Paolo Gentiloni, is-suċċessur ta’ Renzi, l-Partit Demokratiku mar għall-elezzjonijiet ġenerali tal-2018 maqsum f’elf kurrent u ħsieb.
Bil-konsegwenza li sab ruħu fl-Oppożizzjoni b’telfa li ħalliet ħafna marki u feriti fil-partit u fis-sostenituri tiegħu. Flimkien ma’ biċċa xogħol iebsa lill-mexxej il-ġdid tal-Partito Democratico, Nicola Zingarettti sabiex jgħaqqad id-diversi fazzjonijiet tax-xellug u jippreżenta partit magħqud lill-elettorat Taljan.
Tagħlima għall-PL.
Fejn ix-xellug huwa mifrud, il-forzi tal-lemin jieħdu s-sopravvent bil-konsegwenza li jbatu l-ħaddiema u kull min jiddependi fuq il-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol għall-għaxjien tiegħu.
Għandna nitgħallmu mill-esperjenza li għaddejjin minna l-ġirien tagħna fl-Italja u ejjew ngħożżu l-għaqda fil-Moviment tal-Progressivi f’pajjiżna sabiex ma nagħtu l-ebda ċans lil xi Coppia piu’ bella del mondo li tagħmel sfreġju minn din l-Art Ħelwa li li hija tant f’qalbna.
Bl-għaqda biss nistgħu nżommu s-sħab iswed ‘il bogħod minn fuq pajjiżna.
L-għaqda biss tgħinna nkomplu għaddejjin fit-triq tal-progress u tal-prosperita’.
Nibżgħu għaliha!