“Jekk wieħed irid jara l-pjan tagħna għal pajjiżna u għall-ekonomija ta’ pajjiżna, imur jara l-manifest elettorali tal-2017. F’kull baġit nimplimentaw parti minn dak il-pjan tagħna. Dak huwa l-pjan għal dawn il-ħames snin f’pajjiżna.” Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat f’intervista fuq ONE radio.
“Aħna dak li nkunu wegħedna nagħmluh biċċa biċċa. U aħna mhux pjan biss. Għax il-pjan kulħadd bravu jintefa’ wara laptop jikteb il-pjani. Aħna nagħmlu l-iktar biċċa essenzjali ta’ pjan – nimplimentawh u nwettquh”.
Il-Prim Ministru spjega kif matul il-ġranet tas-Sajf il-ħidma tal-gvern ma qatgħet xejn, bl-emfasi issa hi dwar il-baġit għas-sena d-dieħla.
“Jien la bi ħsiebni nirriżenja qabel, la waqt u lanqas wara l-baġit li jmiss. Il-baġit huwa tant importanti mhux biss biex niktbuh imma biex nimplimentawh.”
Joseph Muscat fisser kif dan il-baġit se jkompli jagħti tliet sinjali importanti, fosthom il-ħolqien ta’ middle-class ġdida u li jitneħħa l-faqar mill-pajjiż.
“It-tielet punt ewlieni tal-pjan ekonomiku tal-gvern huwa dak li naraw li l-intrapriżi tagħna jkollhom il-kuraġġ li jkomplu jinvestu għaliex dan huwa gvern li kien, għadu u jibqa’ pro-business. Għax meta tkun favur in-negozju, tkun favur ix-xogħol”.
Il-Prim Ministru tkellem b’sodisfazzjon dwar kif f’dan il-pajjiż fl-aħħar snin ma kienx hemm diskussjonijiet dwar il-qgħad, u kif il-Gvern irid lil dan il-pajjiż jibqa’ jfur bix-xogħol u l-ġid.
“Issa għandna qasam tas-servizzi finanzjarji li qatt ma kie kbir daqs kemm huwa llum. Jattira kritika wkoll. Kellna rapport tal-moneyval. Rapporti tal-moneyval li dejjem kienu kritiċi ta’ dan il-pajjiż imma din id-darba, dan ir-rapport għamlilna lista tal-affarijiet li għandna nagħmlu u aħna ninsabu fiduċjużi li dawn il-punti li tqajmu u li jiġu implimentati”.
Il-Prim Ministru Muscat tkellem ukoll dwar l-infrastruttura, fejn fi proġetti kbar bħalma hu dak tal-Marsa, ix-xogħol qed isir kuljum, b’ritmu mgħaġġel u b’serjetà. Iżda l-Infrastruttura hija wkoll dik li fil-qasam tas-saħħa, u l-Gvern qed jaħdem biex kull reġjun tal-pajjiż ikollu ċentru fejn wieħed jista’ jingħata l-kura.
Il-Prim Ministru temm jinnota wkoll investiment li qed isir fit-turiżmu, bħal dak li sar din il-ġimgħa stess fil-Belt bil-ftuħ ta’ lukanda ġdida.
“L-infrastruttura tat-turiżmu hija l-infrastruttura tal-Air Malta fuq kollox. Nittama li ma jkunx hemm min iħares sal-ponta ta’ mnieħru u jipperikolaha l-affarijiet li għamilna s’issa fl-Air Malta. In-numri qegħdin hemmhekk imma l-kwalità qegħda hemmhekk u se tkompli tiżdied”.