Il-vouchers tal-€100 tal-Gvern ġew estiżi sal-aħħar t’Ottubru.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri waqt konferenza tal-aħbarijiet fix-xatt ta’ Marsalforn.
Il-Ministru Schembri spjega li mindu bdew jintużaw mis-7 ta’ Ġunju, sal-5 ta’ Settembru, intefqu €33 miljun ewro f’vouchers.
Dan ifisser li sa issa ntużaw 74% tal-vouchers li ġew imqassma.
Aktar minn €30 miljun f’vouchers intefqu f’Malta, filwaqt li f’Għawdex intefqu kważi €2.5 miljun.
Il-Ministru Silvio Schembri qal: “Din id-darba, it-tieni edizzjoni kienet daqsxejn differenti għaliex stajna naraw li kien hemm smooth consumption tagħha u allura ma kienx hemm peak f’Awwissu, iżda kienet il-konsum tiegħu kien mod ekwu tista’ tgħid ġimgħa wara ġimgħa u dik kienet utli għan-negozji tagħna għaliex issa kellhom konsum mifrux b’mod iktar ekwu matul il-ġimgħa.”
Il-medja tal-użu tal-vouchers fi tmiem il-ġimgħa tammonta għal kważi €1.4 miljun, waqt li matul il-ġimgħa, il-medja hi ta’ madwar €1.2 miljun.
Dan ifisser injezzjoni ekonomika diretta ta’ €2.6 miljun fil-ġimgħa.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal kif is-sajf f’Għawdex kien wieħed tajjeb bl-użu tal-vouchers.
Semma t-tnaqqis fir-rata tal-qgħad f’Għawdex għall-inqas livelli fl-istorja, meta f’Ġunju kien hemm 136 persuna jirreġistraw.
Il-Ministru Clint Camilleri qal kif “Is-sajf tajjeb immens għall-gżira Għawdxija, fejn xejn inqas minn €2.4 miljun intefqu permezz tal-vouchers li ġew imsarfin hawnhekk ġewwa din il-gżira t’Għawdex ġewwa stabbilimenti lokali. Però aktar minn hekk ukoll kellna influss tajjeb b’mod partikolari fejn jidħol it-turiżmu domestiku, fejn tul Lulju u Awwissu żaru din il-gżira xejn anqas minn miljun persuna.”