L-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana ħareġ ċirkolari indirizzata lill-amministrazzjoni pubblika fejn ħeġġeġ biex din tkun ta’ eżempju u tħaddan dejjem l-ilsien Malti.
Iċ-ċirkolari tisħaq li fl-amministrazzjoni pubblika hemm numru ta’ eżempji fejn b’mod prattiku u ta’ kuljum jintuża l-ilsien Malti, waqt li f’postijiet pubbliċi, bħal sinjali u avviżi għandhom ikunu bil-Malti u bl-Ingliż, bi preċedenza lill-ilsien nazzjonali tagħna.
Il-Kap taċ-Ċivil saħaq li dan ma jfissirx li għandna nagħtu l-ġenb lit-tieni lingwa uffiċjali tagħna, l-Ingliż.
Tfakkar kif, fix-xhur li għaddew, twaqqaf iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, li jservi ta’ referenza, flimkien ma’ għodod diġitali biex jinċentivaw it-tħaddim korrett tal-Malti, inkluż bis-sit traduzzjoni.mt, li jittraduċi testi fi ftit ħin mill-Malti għall-Ingliż u viċi versa.