F’konferenza tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa fl-Ungerija, u li għaliha attenda l-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis, ġew diskussa l-isfidi u l-kisbiet relatati mad-diġitizzazzjoni tal-ġustizzja u l-applikazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali għal skopijiet ġudizzjarji. Din il-konferenza saret wara konferenza oħra ministerjali f’Ottubru tal-2019 fi Strasburgu.
F’intervent waqt il-konferenza, il-Ministru Zammit Lewis spjega li biex pajjiż demokratiku jaħdem, għandu jkun ibbażat fuq ġustizzja u governanza tajba. Huwa stqarr li l-għodod diġitali, jekk jintużaw bil-għaqal, jgħinu biex iżżidu l-effiċjenza, l-aċċessibilità u l-protezzjoni ta’ dawk vulnerabbli fil-proċessi ġudizzjarji.
Il-Ministru Zammit Lewis semma dak li qed jitwettaq f’Malta biex titejjeb il-ġustizzja diġitali u enfasizza fuq l-importanza ta’ dan l-iskambju fost is-47 pajjiż firmatarju tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-fatt li flimkien, dawn il-pajjiżi għandhom jaslu għal regoli u għal teknoloġiji komuni u bażiċi.
Il-Ministru Zammit Lewis aċċenna wkoll għas-suġġett tal-intelliġenza artifiċjali u l-applikabbiltà tagħha għall-proċessi ġudizzjarji. Qal li pajjiżna ħa ħsieb jirregola dan is-settur ġdid permezz ta’ regolatur appożitu. Dan kollu qed isir skont il-linji gwida tal-Kunsill tal-Ewropa.
Huwa saħaq li dan huwa suġġett li rridu nħarsu lejh b’ċerta kawtela biex ikun aċċertat li ma jkunx hemm ksur tad-drittijiet tal-bniedem skont il-konvenzjonijiet internazzjonali u Ewropej. Tenna li l-intelliġenza artifiċjali fil-proċessi ġudizzjarji tgħin biex iċ-ċittadini jkollhom aċċess għal ġustizzja aktar effiċjenti u effettiva.
Il-Ministru sostna li madanakollu, baqa’ ħafna xi jsir f’dan ir-rigward u l-applikabbiltà tal-AI m’għandha qatt tissosstitwixxi lill-ġudikant għax hekk inkunu biss qed napplikaw il-liġi b’mod li mhux neċessarjament ikun meqjus u proporzjonali.
Huwa temm jgħid li l-pajjiżi firmatarji għandhom jaspiraw għal ‘Qrati tal-Ġustizzja’, mhux għal ‘Qrati tal-Liġi’.
Ritratt: (MFJG)