F’omiċidju, l-użu tal-arma tan-nar hi komuni, iżda x-xejra turi li din kienet qed tiżdied fl-aħħar snin. Dan hekk kif fl-aħħar ħames snin, l-użu ta’ armi tan-nar f’delitti kien jgħodd għal 70%, waqt li fil-ħames snin ta’ qabel ir-rata ta’ omiċidji simili kienet ta’ 26%.
Dan intqal f’intervista ma’ ONE News mill-istoriku dwar il-kriminalità Eddie Attard, li studja dwar id-delitti kollha li seħħew f’pajjiżna sa mill-1800.
Fl-ewwel omiċidju għal din is-sena dak li seħħ fl-Ewwel tas-Sena fir-Rabat u dwaru diġà tressaq Noel Azzopardi ta’ 39 sena mir-Rabat stess intuża senter. Il-vittma, Eric Borg ta’ 27 sena nqatel b’żewġ tiri u ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
L-istoriku Attard qal magħna li delitt ma jsirx biss b’arma tan-nar, iżda fl-istorja ta’ pajjiżna ntużaw bosta affarijiet biex jitwettaq omiċidju.
“L-armi tan-nar maż-żmien bdew jiżdiedu u llum għandna persentaġġ għoli ta’ omiċidji mwettqa b’armi tan-nar. L-omiċidji hawn Malta saru b’kull tip ta’ oġġett, b’kull ħaġa, anke b’barmil, musmar, sikkina, ġebla, stanga, biċċa ħadida.”
Ma’ Attard tkellimna wkoll dwar jekk iż-żieda fil-popolazzjoni fl-aħħar snin kellhiex effett. Minkejja dan, stqarr li r-rata ta’ omiċidji f’pajjiżna baqgħet waħda baxxa u r-rata ta’ każi solvuti fl-istorja tal-omiċidji f’pajjiżna jgħodd għal aktar minn 70%.
“Naturalment jekk se tiżdidlek il-popolazzjoni, bħala numru ta’ omiċidji stenna li se jikber. Biss imbagħad ir-rata jaf tibqagħlek l-istess.”
Attard spjega dwar xejra oħra li nbidlet fl-aħħar snin li hi dik fejn il-vittmi saru aktar nisa milli rġiel, meta dari din kienet kompletament differenti.
“Żdied ukoll hawn Malta, kien hemm snin fejn fl-imgħoddi n-numru ta’ nisa maqtula ma’ kull tliet persuni maqtula kienu jinqatlu żewġt irġiel u mara. Aħna hawnhekk kellna snin fejn in-numru ta’ nisa maqtula kien iktar minn tal-irġiel.”
Hawnhekk isemmi li l-fenomenu komuni għall-femiċidju hu dak tal-għira.
Eddie Attard qal ukoll li l-aktar xhur fejn kien hemm delitti f’pajjiżna huma Awwissu u Diċembru, iżda ovvjament omiċidju jseħħ f’kull żmien tas-sena.
Mistoqsi dwar jekk delitt fl-Ewwel tas-Sena, bħal dak li seħħ fir-Rabat fejn inqatel Eric Borg, iħassibx iżjed, Eddie Attard wieġeb hekk.
“Jaħsadni għax f’ġurnata bħal tal-Milied, li anke fil-Milied saru omiċidji u fl-Ewwel tas-Sena forsi jallarmak iktar. Madankollu, jiena għalija l-aktar omiċidji li jallarmani hu dak li jsir b’mottiv ta’ serq fid-dar, fejn il-persuna taħseb li tkun fl-aktar post ta’ kenn li jista’ jeżisti għaliha, iva hemmhekk jaħsadni. B’xorti tajba li, jekk neskludu ż-żewġ omiċidji li kien hemm f’Tas-Sliema xi tliet snin ilu, li għadu pendenti, l-omiċidju ta’ qabel imur 20 sena. Din xi ħaġa li bħala pajjiż tagħmlilna unur.”