L-użu responsabbli tal-kannabis ma jwassalx għal mard mentali.
Hekk stqarr ma’ ONE News il-Psikjatra Skoċċiż Sir Robin Murray hekk kif kien mistoqsi dwar l-użu tal-kannabis b’rabta mas-saħħa mentali.
Il-Psikjatra, li kien preżenti waqt il-konferenza dwar is-saħħa mentali li saret f’pajjiżna, qal illi bħal alkoħol, l-użu responsabbli tal-kannabis ma jagħmilx ħsara.
Fil-fatt tenna, li n-nies li jirrikorru għas-servizzi tiegħu, jkunu nies li jużaw il-kannabis b’mod eċċessiv, fejn saħansitra jpejpu mal-għaxar joints kuljum: “So cannabis is a bit like alcohol. Most people who use alcohol, they use it sensibly, they maybe have a glass of wine or two, they don’t drink a bottle of whisky everyday, and it’s a bit like that with cannabis. If you have a few puffs with your friends on a Saturday, this is unlikely to cause any harm, but the people we see are smoking maybe five or ten joints of cannabis a day.”
Intant, it-Tnejn filgħaxija intemmet id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi fuq l-użu responsabbli tal-kannabis.
Permezz tal-liġi se tinħoloq ukoll awtorità li tirregola s-suq, biex kull adult li jagħżel li jagħmel użu responsabbli mill-kannabis, jkollu aċċess għal prodott sigur u mhux mis-suq illegali.
Fl-għeluq tad-dibattitu parlamentari, il-Ministru Owen Bonnici fisser din il-liġi bħala oħra li tagħti daqqa lit-traffikant tad-droga: “Nafu fejn irridu nwasslu, soċjetà aktar sigura, aktar ħanina fejn nieqfu nweġġgħu lin-nies, nipproteġu lis-soċjetà, nagħtu l-akbar daqqa lit-traffikanti tal-kannabis u nkomplu għaddejjin flimkien biex pajjiżna jmixi ‘l quddiem u nkomplu nilħqu quċċata wara l-oħra ta’ ħidma li tagħmel id-differenza u li ħa timmarkana meta jitkellmu l-barranin dwarna bħala pajjiż illi jaf fejn irid jasal u jaf ir-riformi li jrid iwettaq.”