Kif kien mistenni tard ilbieraħ l-urugan Milton laħaq il-kosta tal-Golf ta’ Florida bħala maltempata kategorija 3 b’irwiefen qawwija u potenzjal ta’ għargħar fil-biċċa l-kbira tal-istat.
Skont iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Urugani bbażat f’Miami, iċ-ċiklun daħal fuq l-art fi Siesta Key ħdejn Sarasota b’irwiefen ta’ 193 kilometru fis-siegħa.
Aktar minn żewġ miljun dar u negozji l-Erbgħa filgħaxija kienu bla provista tal-elettriku.
Hemm probabilità kbira li x-xita qalila tikkawża għargħar fl-inħawi tax-xmajjar u l-għadajjar hekk kif l-urugan jaqsam minn fuq il-peninsula ta’ Florida biex eventwalment joħroġ fuq l-oċean Atlantiku.
Il-bajja ta’ Tampa ilha aktar minn seklu ma ssofri direttament minn urugan maġġuri bħal dan. Għalkemm l-urugan naqqas mill-intensità ta’ kategorija 5 għal dik ta’ 3 però kiber fid-daqs u mistenni li jikkawża mewġ għoli 2.7 metri li jidħol l-art f’din il-bajja.
Miljuni ta’ residenti laħqu telqu mill-istat matul il-ġurnata tal-Erbgħa hekk kif avviżi kontinwi ta’ evakwazzjoni kienu qed jiġu trasmessi fuq il-mezzi kollha tal-midja iżda xorta qed jiġu rrappurtati diversi mwiet kawża ta’ diversi trombi li ukoll laqtu l-art. L-ammont eżatt ta’ nies mejta għadu mhux kkonfermat.