L-Union of Professional Educators fi ħdan l-Union Ħaddiema Magħqudin faħħret il-ftehim milħuq mal-Gvern dwar il-ħlas tal-ħaddiema ta’ Skola Sajf.
Dan hekk kif skont l-istess Union fl-aħħar snin kien hemm anomalija għall-mod kif jitħallsu l-ħaddiema.
Għall-kuntrarju ta’ kif jiġri mal-ħaddiema tal-Gvern, il-ħaddiema ta’ skola sajf ma jitħallsux kull erba ġimgħat, imma jieħdu l-paga lejn l-aħħar ta’ Settembru u Ottubru.
Ftit tal-ġimgħat ilu, l-Union ressqet ilment kontra l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi quddiem it-tribunal tax-xogħol.
B’diskussjoni matura dan kollu ġie solvut bl-ewwel ċekkijiet għal din is-sena bdew jitqassmu fl-aħħar jiem kif jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-Union Graham Sansone li spjega kif “irridu jieħdu xi forma ta’ kumpens, allura ftehmna li il-FES se tagħti €100, lil 1,300 ħaddiem, li ngħataw ilbieraħ u llum”.
Sansone żied jgħid li l-Fondazzjoni wegħdet li ser tirranġa s-sistema tagħha tal-ħlasijiet, u li minn din l-azzjoni bbenefikaw ukoll għadd ta’ studenti universitarji li joffru s-servizzi tagħhom lil skola sajf.
Intant fi stqarrija, il-Fondazzjoni qalet li se tintroduċi sistema operattiva ġdida biex il-pagamenti tal-part timers ikunu regolai wkoll mis-sena d-dieħla.