L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit qablu li jkomplu għaddejjin bin-negozjati għall-ftehim dwar il-kummerċ wara Brexit minkejja li ż-żmien maqbul bejn iż-żewġ naħat kien sal-Ħadd. Dan ġie miftiehem il-Ħadd filgħodu, waqt telefonata li ssejħet min ħafna bħala kruċjali bejn il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen flimkien mal-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson.
Fi stqarrija konġunta, iż-żewġ mexxejja qablu li jkomplu jagħmlu l-aħħar sforzi, filwaqt li waqt din it-telefonata tkellmu dwar kwistjonijiet li għadhom mhux maqbula bejn iż-żewġ naħat.
Il-ġurnata tal-Ħadd kienet meqjusa bħala waħda importanti, hekk kif l-Erbgħa li għadda, iż-żewġ mexxejja ltaqgħu fi Brussell fejn qablu li sal-Ħadd kellu jkun deċiż jekk ikomplux bin-negozjati jew iwaqqfu n-negozjati bejniethom.
Waqt it-telefonata, iż-żewġ mexxejja qablu li n-negożjaturi miż-żewġ naħat ikomplu b’dawn in-negozjati sabiex jaraw jekk jistax ikun hemm qbil bejn iż-żewġ naħat sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, meta jispiċċa l-perjodu tranżitorju.