Il-Brexit, il-bżonn ta’ iżjed kooperazzjoni dwar id-difiża u r-relazzjonijiet mar-Russja kienu fost it-temi li tkellem dwarhom il-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz. Dan hekk kif fi Brussell qed jiltaqgħu l-mexxejja tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.
Dwar Brexit Schulz qal li la għadu ma skattax Artiklu 50 ta’ Lisbona, l-Unjoni għalissa għandha tmienja u għoxrin membru li jgawdu minn drittijiet u benefiċċji ta’ sħubija mal-Unjoni Ewropea. Brexit hija kwistjoni li qed tevolvi kontinwament u huwa ir-Renju Unit li jrid jagħti idea ċara lejn liem direzzjoni jrid imur u t-tip ta’ relazzjoni li jrid mal-Unjoni.
Qal li l-Parlament Ewropew diġà qed jaħdem mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea dwar kif se jkun indirizzat dan il-proċess. Dwar kooperazzjoni fejn għandha x’taqsam id-difiża, Schulz elenka fuq l-ispiża li għandha l-Unjoni Ewropea għal dan il-qasam kif ukoll il-benefiċċji tal-ftehim man-NATO.
Dwar ir-relazzjonijiet mar-Russja Schulz qal li l-politika internazzjonali tal-Unjoni Ewropea trid tibqa’ kredibli. Sostna li l-Parlament Ewropew jemmen li l-istrateġija tar-Russja ddgħajjef lill-Unjoni Ewropea u għalhekk l-Unjoni Ewropea trid taġixxi. Diment li r-Russja ma tilħaqx kriterji mill-ftehim f’Minsk, is-sanzjonijiet fil-konfront tar-Russja se jibqgħu. Fl-istess waqt l-Unjoni Ewropea se tibqa’ taħdem biex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt fl-Ukrajna. Dwar is-sitwazzjoni f’Aleppo Schulz qal li izjed minn qabel l-Unjoni Ewropea għandu jkollha pożizzjoni ċara dwar il-kunflitt u x’tip ta’ rwol għandu jkollha.
Dan kien l-aħħar diskors ta’ Schulz bħala President tal-Parlament Ewropew. Qal li l-ħidma tiegħu f’dawn l-aħħar tnejn u għoxrin sena kien li l-Parlament ewropew ikun izjed voċiferu. Fl-isfond li n-nies qed jitilfu l-fiduċja fl-Unjoni Ewropea, dan huwa iz-zmien li l-istituzzjonijiet demokratiċi iridu jissaħħu.
‘Kont sejjaħt l-Unjoni Ewropea bħala l-aqwa proġett. Għadni u nibqa’ nemmina’ temm jgħid Schulz.