L-Unjoni Ewropea żvelat sanzjonijiet ġodda kontra r-Russja, li jinkludu l-projbizzjoni tal-importazzjoni taż-żejt Russu sal-aħħar ta’ din is-sena.
Il-pjanijiet għadhom iridu jiġu approvati mill-istati membri u jinkludu wkoll sanzjonijiet fuq individwi, bħall-kap tal-Knisja Ortodossa fir-Russja.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen tat dawn id-dettalji fil-Parlament Ewropew meta żvelat is-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet li fil-mira tagħhom hemm l-ekonomija Russa, il-militar u anki l-propaganda.
Hija qalet li Vladimir Putin irid iħassar lill-Ukrajna minn fuq il-mappa.
Meta tkellmet dwar is-sanzjonijiet fil-kuntest taż-żejt, qalet li dan għandu jsir b’tali mod li l-istati membri u l-kumpaniji taż-żejt jassiguraw rotot alternattivi ta’ provvista fl-istess waqt li l-impatt fuq is-suq globali jkun minimizzat kemm jista’ jkun.
Dan il-pjan tħabbar sigħat wara attakki ġodda mir-Russja, li sparat missili fuq tliet impjanti tal-enerġija fi Lviv, li kkawżaw lil diversi bnadi f’din il-belt fil-Punent tal-pajjiż biex jispiċċaw bla dawl. F’dawn l-attakki ntlaqtu wkoll sitt stazzjonijiet tal-ferrovija.
L-Unjoni Ewropea qed tikkunsidra wkoll aktar għajnuna militari għall-Moldova, fi sforzi biex jiġi evitat li l-gwerra tinfirex f’dan il-pajjiż ġar tal-Ukrajna.
Fi żjara fil-kapitali tal-Moldova, il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel qal li l-Unjoni Ewropea qed tara kif tista’ ssaħħaħ il-forzi armati tal-pajjiż.
Intant, l-isforzi għadhom għaddejjin biex jiġu salvati mijiet ta’ persuni li qegħdin maqbudin taħt xogħlijiet tal-azzar fejn daħlu biex jistkennu fil-belt ta’ Mariupol.