Waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-Affarijiet Ġenerali, il-Ministru għall-Affarjiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli tenniet il-pożizzjoni ta’ Malta favur sistema ta’ rilokazzjoni mandatorja tal-immigranti biex ikollna solidarjetà effettiva, u mhux volontarja. Hija qalet dan fil-kuntest tat-taħdidiet li għaddejjin dwar ir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil.
Il-ministru saħqet li mill-kliem irridu ngħaddu għall-fatti, u dan b’soluzzjonijiet sostenibbli li primarjament għandhom jiffokaw fuq il-pajjiżi tal-oriġini. Hija żiedet li għalxejn inkabbru l-gwardja tal-kosta b’għaxart elef impjegat jekk mhux se ngħinu lill-kontinent Afrikan jilħaq l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini tiegħu. “B’hekk biss nistgħu nindirizzaw din il-kriżi umana; kriżi li teħtieġ soluzzjoni komuni u mhux sporadika”.
Aktar tard issoktaw id-diskussjonijiet dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jiskatta fis-sena 2021 u jwassal sal-2027. Waqt li qablet mal-ħsieb li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tattira l-aqwa mħuħ biex tkun ċentru ta’ eċċellenza għar-riċerka, l-Ministru Helena Dalli qalet li dan m’għandux jimmina lill-istati membri milli jibbenefikaw minn programmi ta’ fondi Ewropej għar-riċerkaturi u l-istituzzjonijiet tagħhom. F’dan ir-rigward hija nnotat li madwar nofs l-istati membri ħadu biss inqas minn 5% mill-fondi allokati għall-programm Horizon 2020.
Fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-Affarjiet Ġenerali ġew diskussi ukoll l-aħħar żviluppi dwar Brexit, bil-Ministru Helena Dalli ttenni l-importanza li l-istati membri jibqgħu magħqudin u li jsegwu l-linji gwida maqbula bejniethom fl-aħjar interess ta’ ftehim ġust bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit.
Ritratt: MEAE