Għal sena oħra, l-Unjoni Ewropea nnotat l-investiment li qed jagħmel il-Gvern fis-sistema ġudizzjarja f’pajjiżna. Dan joħroġ mill-pubblikazzjoni annwali tal-Kummissjoni Ewropea, imsejħa Justice Scoreboard.
Ir-rapport maħdum fuq is-sena 2022 jinnota titjib fil-prestazzjoni tal-qrati, minkejja ż-żieda f’każi ċivili, kummerċjali u amministrattivi.
Dawn tal-aħħar għadhom l-aktar li jdumu biex jinqatgħu, iżda minn dan ir-rapport Ewropew joħroġ li kien hemm nuqqas ta’ għoxrin fil-mija fiż-żmien li jdum il-proċess, meta mqabbel ma’ sena qabel.
Jirriżulta wkoll li hemm l-effiċjenza fil-proċeduri tal-qrati, hekk kif rifless fir-rata ta’ għeluq tal-każi. Fl-2022, ir-rata ta’ għeluq f’każi ċivili u kummerċjali żdiedu minn tmienja u sebgħin fil-mija għal sebgħa u tmenin fil-mija. Dan filwaqt li r-rata ta’ għeluq f’każi amministrattivi telgħu minn sebgħin fil-mija għal ħamsa u disgħin fil-mija.
Dwar dan ir-rapport, ONE News tkellem mal-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard.
“Ħadna nota ta’ dak l-aspett li mmarkajna progress fih, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-effiċjenza fil-proċess ġudizzjarju ta’ pajjiżna. Però rridu nkomplu nsostnu l-ħidma tagħna fuqhom.”
Minn dan ir-rapport ġie nnotat kif l-investimenti fil-qrati żdiedu, anke fil-pagi tal-ħaddiema li jaħdmu f’dawn l-istituzzjonijiet.
Il-Ministru Attard sostna kif, bħalissa, il-Ministeru, immexxi minnu, għaddej b’ħidma biex isiru aktar riformi f’dan is-settur importanti.
“Inħarsu ’l quddiem b’ottimiżmu, għax nafu li hemm ħidma li qed issir fuq numru ta’ riformi f’diversi oqsma tal-ġustizzja, inkluż dak kriminali, kif ukoll oqsma bħal dik li hi l-Qorti tal-Familja, fejn fiż-żmien li ġej se nkunu qed inħabbru riforma, li għandha twassal ukoll biex, anke f’dak l-aspett u f’dak is-settur, ikun hemm aktar proċessi effiċjenti u ġustizzja aktar effettiva.”