L-Unjoni Ewropea ħabbret pakkett finanzjarju ta’ €1.6 biljun bħala għajnuna għall-Awtorità Palestinjana biex twettaq proġetti fix-Xatt tal-Punent, Ġerusalemm u l-Medda ta’ Gaza.
Aktar minn terz tal-flus se jitqassmu fuq sentejn u se jkunu għajnuna diretta għall-Awtorità tal-Palestina sabiex issaħħaħ is-sostennibiltà finanzjarja, il-governanza demokratika u s-servizzi biex ikun mgħejjun l-iżvilupp tas-settur privat.
Wara taħditiet fil-Lussemburgu mal-Prim Ministru Palestinjan Mohammed Mustafa, il-Kummissarju tal-Mediterran għall-Unjoni Ewropea Dubravka Suica indirizzat lill-ġurnalisti fejn qalet li dan il-programm huwa intenzjonat li jsostni lill-poplu Palestinjan sabiex jibni futur sostenibbli, u għalhekk li hemm bżonn li l-Awtorità Palestinjana tirriforma ruħha u tiffunzjona tajjeb biex ikollha rwol ċentrali fil-governanza ta’ Gaza wara li jintemm il-kunflitt.
Aktar minn €576 miljun f’għotjiet se jmorru għall-proġetti f’diversi setturi fit-territorji Palestinjani b’ €82 miljun se jingħataw lill-Aġenzija tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati Palestinjani l-UNRWA.
Is-settur privat se jkun jista’ jibbenefika minn €400 miljun f’self b’imgħax baxx mill-Unjoni Ewropea.
Fi tmiem il-ġimgħa, Iżrael kompla jespandi l-offensiva militari tiegħu f’Gaza filwaqt li l-Ħadd ibbumbardjaw sptar fit-Tramuntana bil-pazjenti jkollohom jiġu evakwati.
Aqra Aktar: