Mhemmx dubju li l-Gvern Malti qiegħed kontinwament jaħdem favur in-nies u l-familji. L-inizjattivi u miżuri li ħa l-Gvern f’dawn l-aħħar sentejn qed ikomplu jwasslu biex l-inflazzjoni f’pajjiżna tiġi kontrollata. Is-sussidji fl-enerġija, fuels, iż-żieda fil-paga minima u żidiet fil-pensjonijiet qegħdin ikomplu jgħinu lill-ħaddiema, lill-pensjonanti u l-familji tagħhom.
Dan qalu l-kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Jesmond Bonello.
Madankollu hu jemmen li l-livell ta’ spekulazzjoni globali qed iwassal biex il-prezzjijiet ta’ oġġetti u servizzji qegħdin kontinwament jiżdiedu fl-Unjoni Ewropea kollha. Fakkar kif preżentament l-Unjoni Ewropea għandha 6% tal-populazzjoni bla xogħol, aktar minn 895,000 persuna bla dar, aktar minn 95 miljun persuna li jinsabu fir-riskju tal-faqar.
Għal dan il-għan nemmen li l-mentalità u prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea għandhom jinbidlu billi jiffokaw aktar fuq il-familji, mhux fuq il-gwerer, u fuq ekonomija li tpoġġi l-interessi tan-nies qabel kollox. Irridu naraw li l-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea ma jkunux biss is-sostenibiltà ekonomika, iżda hu importanti li l-ħaddiema, il-pensjonanti u l-familji tagħhom ikollhom dħul diċenti li jiggarantilhom l-possibbiltà li jkollhom saqaf fuq rashom, għixien diċenti u bilanċ bejn il-familja u x-xogħol.
JESMOND BONELLO, kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew
Hu kompla jgħid li, għal dan il-għan, hu importanti li l-interessi tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu biex iċ-ċittadini tagħha jkollhom dejjem paga minima li hi waħda adegwata, li l-pensjonijieti jkunu dejjem adegwati u mhux biss sostenibbli u li l-nies u l-familji jkollhom dħul u livell ta’ għixien adegwat li jippermettilhom li jkollhom dejjem livell ta’ ħajja xierqa.
Bonello temm jistqarr li dan jista’ jsir biss jekk l-Unjoni Ewropea tagħmel dak li qed issir f’pajjiżna u tpoġġi l-interessi tal-persuna fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni.