Tħabbru regolamenti ġodda li japplikaw għal kull student li se jkun qed japplika biex jidħol bħala student fil-Junior College kif ukoll Fl-Università ta’ Malta.
Fi stqarrija l-Università ta’ Malta ċċarat xi punti b’rabta ma’ din id-deċiżjoni li se jkunu qed japplikaw għad-dħul f’Ottubru ta’ din is-sena.
Spjegat kif l-Università tgawdi l-awtonomija, fejn it-tibdil propost fil-kwalifiċi għad-dħul fil-Junior College ġie diskuss u maqbul b’mod unanimu mil-Bord tal-Junior College fil-bidu tas-sena.
Spjegaw kif it-tibdil fir-regolamenti jinkludu kif studenti li għandhom il-ħsieb li jistudjaw fil-Junior College jridu jgħaddu bi grad minn 1 sa 5 f’sitt suġġetti li wieħed minnhom irid ikun Malti, Ingliż jew Matematika.
Madankollu l-istudenti li jidħlu mingħajr ma jkollhom it-tliet suġġetti ewlenija jridu jiksbu dawn is-suġġetti sakemm itemmu s-sentejn ta’ studju tagħhom biex jidħlu l-Università.
Intqal kif l-istess studenti li se jkunu fuq probation u qed isegwu lezzjonijiet fil-Livell Avvanzat u Intermedjarju se jiġu offruti lezzjonijiet apposta minn għalliema differenti għall-eżamijiet tas-SEC.
L-istqarrija ntemmet tgħid li dan it-tibdil sar sabiex jitnaqqas in-numru ta’ studenti li jibqgħu barra mill-istudji b’riżultat li jista’ jtappan il-futur tagħhom.