Fi stqarrija l-Università ta’ Malta qalet li ċċarrat li mhux vera li l-istudenti tħallew fid-dlam rigward id-dħul tal-istudenti fl-Università. Dan għaliex l-informazzjoni daħlet f’April li għadda.
Barra minn hekk matul is-sajf saru diversi webinars li kienu mmirati biex iżommu lill-istudenti prospettivi infurmati. Dan qalitu b’reazzjoni għal rapporti li dehru fil-midja.
L-Università ta’ Malta kompliet tispjega li minħabba l-pandemija ż-żewġ sessjonijiet ta’ Mejju u Settembru ngħaqqdu f’sezzjoni waħda. F’Diċembru se ssir ukoll sessjoni tal-eżamijiet tar-resit.
F’din l-istqarrija ntqal ukoll li dawk l-istudenti tas-Sixth Form li kienu applikaw għas-sessjoni ta’ eżamijiet ta’ Settembru biss mhumiex eleġibbli għar-resits.
Apparti minn hekk, l-Università qalet li rrevediet u naqset il-kriterji tad-dħul tagħha għall-maġġoranza kbira tal-korsijiet għas-sena akkademika 2020-2021. Kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:
L-Università sostniet li l-istudenti rċivew ittra li kienu se jitħallew jibdew il-kors proviżorjament fid-19 t’Ottubbru sakemm joħorġu r-riżultati tal-MATSEC, min ma jiksibx ir-rekwiżiti neċessarji, kien se jitwaqqaf mill-kors.
Kien spjegat ukoll li normalment, jekk student fl-ewwel sena jeħel minn numru żgħir ta’ taqsimiet, dan jitħalla jitla’ fit-tieni sena u jkompli l-kors, filwaqt illi student fuq probation, iżda f’din iċ-ċirkostanza jkollu jieqaf mill-kors.
Is-sessjoni ta’ Diċembru se tkun sessjoni ta’ resits primarjament għal min ġab is-36 punt u jixtieq li l-istatus tiegħu fil-kors li ġie aċċettat għalih jinbidel minn student fuq probation għal student regolari.
Madankollu, student fuq probation li jtemm b’suċċess l-ewwel sena ta’ studju jkun jista’ jkompli l-kors bħala student regolari.
L-Università temmet tgħid li min ġab anqas minn 36 punt u jkun eliġibbli li joqgħod għas-sessjoni ta’ Diċembru jkun jista’ jtejjeb ir-riżultati tiegħu biex jgħoddu għad-dħul fl-Università f’Ottubru 2021.