Illum, fl-Università ta’ Malta se ssir iċ-ċerimonja li permezz tagħha l-Professur Alfred Vella jieħu t-tmexxija ta’ l-istess istituzzjoni minflok il-Professur Juanito Camilleri.
Din iċ-ċerimonja li permezz tagħha se jinħatar rettur ġdid hija wkoll riflessjoni tal-mod kif din is-sena saret l-għażla tar-rettur. Bil-gvern jikkonsulta mal-akkademiċi għall-iktar minn darba qabel l-elezzjoni interna li mbagħad saret fil-Kunsill tal-Università.
Dwar dak li se jiġri llum ikkummenta l-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo.
“Hekk għandhom isiru l-affarijiet: tislima dinjituża lil min mexxa sal-lum fl-aħħar 10 snin u merħba lil min se jmexxi għas-snin li ġejjin. Kellna konsultazzjoni wiesgħa dwar ir-rettur il-ġdid. Qabel kien ikollna spiss “kolpi ta’ stat” fejn il-gvern jimponi lil min irid biex imexxi l-universita`,” qal Bartolo.
Alfred Vella huwa professur tal-kimika attiv ħafna fis-soċjetà, u tul l-aħħar snin serva bħala pro rettur. Vella kiseb 27 vot minn fost il-membri tal-Kunsill tal-Università kontra l-erba’ voti li kiseb il-Professur Godfrey Baldacchino.