L-Università ta’ Malta kkonfermat li t-teżi tal-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, kellha partijiet minnha li kienu kkopjati.
Dan wara investigazzjoni li wettqet l-istess Università wara li, f’Jannar li għadda, ġiet mitluba tikkummenta mill-gazzetta Ġermaniża BILD dwar allegazzjonijiet pubbliċi li kkopjat it-teżi tagħha fl-2003.
Wara laqgħa, li ntemmet aktar kmieni llum, is-Senat tal-Università ta’ Malta qabel li t-teżi ta’ Metsola kellha elementi minnha li huma kkopjati, flimkien ma’ materjal li ma kienx rikonoxxut li hu ta’ ħaddieħor jew rikonoxxut b’mod sew.
Fil-fatt, l-istess Senat spjega kif dan l-istess materjal kien jinkludi saħansitra passaġġi minn xogħlijiet ta’ ħaddieħor li minnhom sar ‘cut and paste’. Fi kliem ieħor din hi għodda fejn sempliċiment min ikun qed jikkopja, jaqbad silta minn dokument ta’ ħaddieħor u sempliċiment jitfagħha f’tiegħu daqslikieku kien l-awtur tagħha hu stess.
Minkejja dan, is-Senat tal-Università sostna li t-teżi mhijiex waħda invalida. Dan, minkejja, li r-riżultat ta’ din l-investigazzjoni jnaqqas sew il-marka tagħha u jpoġġi lill-President tal-Parlament Ewropew f’sitwazzjoni mill-aktar imbarazzanti.