Is-Sala tal-Melitensia fil-librerija tal-Università ta’ Malta ssemmiet għall-Professur tal-Malti Oliver Friggieri.
Friggieri ħalla din id-dinja f’Novembru ta’ sentejn ilu, fil-21 ta’ Novembru tal-2020.
Oliver Friggieri kien poeta, rumanzier, kritiku letterarju u filosfu Malti. Kien jgħallem l-Università ta’ Malta u kellu sehem ewlieni fit-twaqqif tal-istorja u l-kritika letterarja bil-Malti, bi studji dwar Dun Karm, Rużar Briffa u bosta kittieba oħra.
Bil-kitbiet tiegħu stinka biex jippromwovi l-lingwa u l-identità kulturali Maltija. Ħaddem bosta ġeneri ġodda għal-lingwa u kiteb l-ewwel kantata u libretti għall-ewwel oratorju bil-Malti. Wieħed mill-iktar rumanzi famużi u kontroversjali tiegħu jibqa’, Fil-Parlament Ma Jikbrux Fjuri (1986).