Tim ta’ riċerkaturi mill-Università ta’ Malta u minn Orthopaedic Centre Malta żviluppaw b’suċċess prototip għal idejn prostetiku. Fi stqarrija, l-Università ta’ Malta spjegat li l-amputazzjoni tal-parti ta’ isfel tal-id, ħafna drabi wara inċident, tirrappreżenta telf enormi għall-funzjonalità fil-ħajja ta’ kuljum, u tħalli impatt fuq l-immaġni tal-persuna involuta.
Matul il-snin, ittieħdu diversi approċċi għall-iżvilupp tal-proteżi biex jissostitwixxu l-idejn.
Dawn ivarjaw minn apparati purament estetiċi, għal mudelli aktar ikkomplikati li jippermettu ftuħ u għeluq ta’ swaba, iżda li huma għoljin ferm, mhux dejjem preċiżi, u jirrikjedu lill-persuna tilbes xi forma ta’ apparat ma’ spallitha.
MAProHand hija innovattiva għax tqiegħed fil-prattika numru ta’ osservazzjonijiet importanti. Per eżempju li l-użu ta’ tliet swaba biss huwa biżżejjed biex l-id artifiċjali tagħmel xogħolha. Barra minnhekk, ġie osservat ukoll li meta persuna titlef id, l-id l-oħra tassumi r-rwol tal-id li m’għadhiex hemm, anke jekk qabel ma kinitx taqdi l-istess funzjoni. Dan ifisser li l-id prostetika trid taqdi biss rwol li ma tistax tlaħħaq miegħu l-id li fadal.
Dawn l-osservazzjonijiet flimkien ma’ oħrajn ta’ natura xjentifika qed iwasslu għall-iżvilupp ta’ id prostetika avvanzata, u issa l-pass li jmiss hu li din l-id tiġi żviluppata b’mod li jagħmel sens kummerċjali.